“Irridu sett wieħed ta’ linji gwida bl-infurzar” – UĦM

Read in English.

UĦM Voice of the Workers qed tisħaq biex ikun hemm sett wieħed ta’ linji gwida mingħajr messaġġi konfliġġenti. Barra minn hekk dawn għandhom jiġu nfurzati mill-awtoritajiet.

Dan spjegatu fi stqarrija wara laqgħa bejn il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u il-Kap Eżekuttiv tal- UĦM, Josef Vella. Vella qal li “irbaħna l-ewwel battalja, imma għadna ma rbaħniex il-gwerra għax il-coronavirus għadu magħna.”

L-istqarrija spjegat li l-postijiet tax-xogħol huma u għadhom mħassba fuq l-imxija tal-COVID-19. B’hekk, il-Gvern għandu jimxi b’direzzjoni u miżuri ċari, li hija xiħaġa li ssemmiet waqt il-laqgħa. Ukoll, il-UĦM trid li l-attivitajiet tal-massa jieqfu biex Malta tidħol fil-Ħarifa b’sistema ta’ saħħa b’saħħitha, u mhux krollata minħabba l-ammont ta’ swabbing.

“Ma nistgħux nipperikolaw is-saħħa tal-poplu, jekk l-attivitajiet tal-massa jibqgħu għaddejjin il-UĦM Voice of the Workers lesta tieħu l-azzjonijiet li hemm bżonn”, kompla Vella.

Vella kien qed jitkellem fuq Newsbook Hour fuq 103 Malta’s Heart meta qal li r-restrizzjonijiet dwar l-avvenimenti tal-massa huma biss suġġerimenti. Dan għax m’hemmx infurzar fuqhom peress li mhumiex ibbażati fuq avviż legali. Stqarr kif meta Malta kulħadd kien qed joqgħod ġewwa, kien hawn inqas każijiet u aktar infurzar.

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) ħarġet linji gwida li saru bl-għajnuna tas-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika għall-organizzaturi tal-attivitajiet tal-massa.