“Irridu pjan ċar biex niġġieldu t-tieni mewġa tal-coronavirus” – Kamra tal-SMEs

Miguela Xuereb

Il-Kamra tal-SMEs appellat lill-awtoritajiet biex jaħsbu fi pjan ċar għan-negozji u għall-kumplament tal-pubbliku għat-tieni mewġa tal-coronavirus, li l-impatt tagħha, qalet il-Kamra, se jkun wieħed devastanti.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, il-Kamra qalet li Malta ma tistax toqgħod f’bużżieqa. Li Malta tiddependi fuq l-ekonomija domestika tagħha mhuwiex biżżejjed, u għaldaqstant, il-ħtieġa ta’ koperazzjoni u kordinazzjoni ma’ xi pajjiżi oħra hija mifhuma. Għalhekk, il-Kamra qalet li Malta trid titgħallem tgħix bil-coronavirus.

Bħala rappreżentanta tan-negozji, il-Kamra tal-SMEs qalet illi hija kemm-il darba appellat lill-awtoritajiet biex jiddiskutu l-istandards tas-saħħa sabiex ċerti attivitajiet ikunu jistgħu jkomplu b’mod sigur. Stqarret illi hija bagħtet pjanijiet lill-awtoritajiet u talbet li jsiru diskussjonijiet sabiex meta jiġi ż-żmien, is-setturi jkunu jistgħu joperaw filwaqt li r-riskju jinżamm baxx.

Li qed jiġri bħalissa, saħqet il-Kamra, huwa ta’ ħsara għan-negozji, għall-ekonomija u qed ipoġġi x-xogħlijiet f’riskju akbar milli jpoġġuhom ir-restrizzjonijiet. Il-Kamra trid li qabel ma ssir aktar ħsara, l-awtoritajiet jiddiskutu mar-rappreżentanti tas-settur privat sabiex jinħolqu standards li jnaqqsu r-riskji għall-attivitajiet kollha ppjanati. Fosthom, is-settur tat-tiġijiet u dak tal-avvenimenti jeħtieġu ċarezza sabiex jippjanaw fil-futur. Li ġara, skont il-Kamra tan-Negozji, seta’ jiġi mbassar u evitat.

Kompliet tgħid li, “It-tieni ġlieda ta’ Malta kontra l-coronavirus tirrikjedi pjan ċar fil-qosor, fi żmien medju u anke fit-tul. Dan peress li n-negozji ma jistgħux jibqgħu joperaw mgħammda, iħossu l-art titfarrak taħt saqajhom.”

L-aħħar appell tal-Kamra tal-SMEs kien li l-kwistjoni għandha tiġi riżolta b’urġenza.