“Irridu nwaqqfu s-sitwazzjoni tal-ħmar iwaħħal f’denbu fil-kostruzzjoni” – Muscat

PL

Read in English.

Il-Prim Ministru u Kap tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li l-passi kollha li ttieħdu u li se jkunu qed jittieħdu fil-qasam tal-kostruzzjoni qed isiru sabiex kemm jista’ jkun titwaqqaf is-sitwazzjoni tal-ħmar iwaħħal f’denbu li qed tinħoloq bejn il-periti, kuntratturi u site managers.

Muscat kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjoni tar-radju tal-Partit Laburista l-Ħadd filgħodu. Hu sostna li l-pajjiż diġà għandu liġijiet tajba ħafna fil-qasam tal-kostruzzjoni madanakollu dejjem se ssib persuni li se jiksruhom u jekk tgħalqilhom il-bibien u t-twieqi jaraw kif “isibu xi ventilatur”.

Aqra: “Tkomplux tiksru l-liġi; ħalli 76 ċentimetru bejn il-bini”

Hu u jitkellem dwar il-laqgħa fejn ħabbar is-sospensjoni ta’ xogħol ta’ skavar u twaqqiegħ għal żmien temporanju, Muscat irrimarka li dawk kollha preżenti għal-laqgħa qablu mad-deċiżjoni. Intant qal li fiż-żmien li ġej se jiġu ppubblikati tibdiliet b’mod formali sabiex ma jkunx hemm lok għal aktar ksur ta’ liġijiet. Tenna li l-Gvern ma jistax joqgħod ma’ kull kantuniera jara x’inhu jiġri u għalhekk jingħataw il-warrants sabiex ikun hemm persuni responsabbli li x-xogħol qed isir b’mod sew u sigur.

Fost il-proposti li se jkun qed jagħmel il-Gvern, Muscat semma li jew is-site manager, jew il-perit, iridu jkunu preżenti meta jittieħdu deċiżjonijiet kruċjali fix-xogħol tal-kostruzzjoni filwaqt li jrid jinżamm log book dwar dak kollu li jkun qed isir. Qal ukoll li s-site managers kollha jrid jibda jkollhom il-kwalifiċi neċessarji biex iservu f’dan l-irwol, inkella l-perit irid jiċċertifika lill-persuna u għaldaqstant jassummi r-responsabbiltà tagħha hu. Semma wkoll li se jkunu qed jiżdiedu u jiħraxu l-multi.

Aqra: “Ixxukkjati” – MDA; Il-Kummissarju għall-Ippjanar b’ittra lill-PM

“Fis-Summit urejna Malta x’kapaċi toffri”

Hu u jitkellem dwar is-Summit bejn seba’ pajjiżi tan-nofsinhar tal-Unjoni Ewropea li sar f’Malta xi jiem ilu sostna li l-laqgħa serviet biex bħala pajjiż, Malta turi x’kapaċi toffri. Spjega li fost l-oħrajn saret ukoll laqgħa bilaterali mal-President Franċiż Emmanuel Macron fejn ġie diskuss kif iż-żewġ pajjiżi jistgħu jaħdmu aktar flimkien u jkun hemm relazzjoni aktar f’saħħitha. Sostna li Malta ma għandhiex għedewwa fl-Unjoni Ewropea, iżda dejjem se jkun hemm pajjiżi li se tħossok eqreb tagħhom minn oħrajn.

Aqra: Jipprotestaw waqt konferenza tal-aħbarijiet tas-summit f’Malta

“Il-Malta Air se ssaħħaħ l-industrija tat-turiżmu”

Mistoqsi dwar il-ftuħ tal-kumpanija ta’ Ryanair f’Malta, Malta Air, u t-tħassib ta’ bosta dwar jekk din hux se toħloq problemi lill-Air Malta, Muscat tenna li ż-żewġ kumpaniji għandhom jikkumplimentaw lil xulxin u mhux jaħdmu kontra xuxlin. Muscat irrimarka li r-Ryanair diġà għandha bażi f’saħħitha f’Malta ta’ sitt ajruplani li issa se jiżdiedu għal 10. Qal ukoll li magħhom, mal-50 ajruplan ieħor se jiġu reġistrati f’Malta, li huwa investiment ta’ madwar biljun f’Malta. Semma li l-Gvern għandu Golden Share fil-kumpanija, li minkejja li l-valur nominali tiegħu huwa wieħed żgħir, għandu saħħa kbira hekk kif prattikament għandu l-veto fid-deċiżjonijiet tal-kumpanija.