“Irridu nsibu mezzi kif nitkellmu ma’ nies waħedhom” – l-Isqof Galea Curmi

Isqof Awziljarju Joseph Galea Curmi
Miguela Xuereb

Read in English.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi qal li “rridu nsibu mezzi kif nitkellmu ma’ nies li jinsabu waħedhom”. Għalkemm in-nies huma mitluba ma joħorġux minn djarhom, l-Isqof Galea Curmi appella biex t-talb isir mid-djar. Huwa qal dan waqt li kien intervistat minn Fr Joe Borg fuq Newsbook Hour fuq 103.

L-Isqof issuġġerixxa biex ikun hemm kuntatt bejn il-persuni fi sforz biex titaffa s-solitudni. Huwa qal dan biex jinstabu mezzi oħra flok il-kuntatt fiżiku biex xorta waħda jsir kuntatt mal-persuni għeżież inkluż dawk anzjani.

Huwa semma l-esperjenza partikolari li f’Ħal Balzan huwa ltaqa’ ma’ persuna li marret tara lil omma f’dar tal-anzjani u għamlu kuntatt mit-triq u t-tieqa tal-kamra li toqgħod fiha omma.

Il-Quddies bil-Malti qed jasal għand il-Maltin li jgħixu barra

L-Isqof semma kif huwa rċieva messaġġ wara l-quddies mingħand familja Maltija li baqgħet tgħix il-Belġju minħabba li t-tifla tagħhom se jkollha tarbija. Qal kif il-quddies imxandar minn Malta qed jisimgħuh il-Maltin madwar id-dinja u huwa għalhekk ħeġġeġ biex il-Maltin jużaw dawn il-mezzi.

Semma każ ieħor ta’ persuna li ilha żmien twil ma tisma quddiesa bil-Malti u kien grazzi għall-inizjattivi li qed tieħu l-Arċidjoċesi flimkien ma’ għadd ta’ saċerdoti u Kappillani li qed ixandru l-Quddies.

Dwar il-funzjonijet tal-Ġimgħa Mqaddsa għal din is-sena, l-Isqof fakkar fix-xandiriet tal-Arċisqof li se jsiru LIVE. Huwa qal ukoll li dan iż-żmien tas-sena jista’ jkun ta’ mezz kif nidħlu fil-fond ta’ dak li qed niċċelebraw u nifhmu aktar it-tifsira tal-funzjonijiet liturġiċi.