“Irridu noqogħdu attenti għas-sigurtà ta’ Malta”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li rridu noqogħdu attenti għas-sigurtà ta’ Malta, imma ma rridux inwettqu atti moqżieża bħal dak li sar fl-isptar Mater Dei.
F’intervista fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, Joseph Muscat qal li hu fil-karattru tal-Maltin li jieħdu ħsieb lil kulħadd u jagħtu l-għajnuna lil kull min għandu bżonn.
Il-Mexxej Laburista qal li m’hemm l-ebda informazzjoni li tindika li Malta tinsab taħt xi forma ta’ theddida.
“Gvern li jieħu d-deċiżjoni li ssarrfu f’riformi kbar”
Il-Mexxej Laburista qal li fi tliet snin saru bidliet u riformi kbar li wasslu biex Malta għandha l-anqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa.
Spjega li l-Gvern iddeċieda fost l-oħrajn fuq it-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, fuq il-programm taċ-ċittadinanza b’investiment, fuq l-American University of Malta, fuq l-introduzzjoni taċ-childcare u ż-żieda fil-pensjonijiet.
Joseph Muscat faħħar deċiżjoni oħra li ttieħdet fil-qasam tal-ġudikatura, u qal li biha l-Gvern qiegħed juri li huwa riformista.
“Il-politika tal-Gvern hi li m’għandux iżid it-taxxi”
Joseph Muscat qal li l-politika tal-Gvern hi li m’għandux iżid it-taxxi biex ikabbar id-dħul.
Spjega li l-politika tiegħu hija li bit-tkabbir tal-ekonomija jikber id-dħul.
“Il-Port Ħieles għandu jkompli jikber”
Dr Muscat qal li l-Port Ħieles għandu jkompli jikber mhux billi tikber il-footprint tiegħu, iżda billi jintużaw il-free zones f’Ħal Far.
Dwar it-tanker tal-gass, il-Prim Ministru qal li l-alternattiva kienet li jibqa’ jintuża żejt li jniġġes.
Spjega li biex Malta tmur għall-gass, għall-ewwel ftit snin se jkollha bżonn it-tanker.
Żied jgħid li malli jitlesta l-pipeline mal-Italja t-tanker ma jibqgħalux użu.
Temm jgħid li l-Gvern huwa alternattiva ta’ arja iktar nadifa u kontijiet orħos, filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni huwa garanzija ta’ iktar tniġġis u kontijiet ogħla.
Reazzjoni Partit Nazzjonalista
F’reazzjoni l-PN qal li minkejja l-impressjoni li jipprova jagħti, il-Prim Ministru Joseph Muscat, mhux kapaċi jiddeċiedi.
Żied jgħid li fost l-oħrajn, Muscat ma kienx kapaċi jiddeċiedi dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi, wara li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfgħu s-senserija; Michael Falzon li fetaħ attakk feroċi fuq l-istituzzjoni indipendenti tal-Awditur Ġenerali; u Alfred Mifsud, li għandu allegazzjonijiet serji u gravi ta’ korruzzjoni.
Temm jgħid li Muscat għandu test ieħor li fih il-poplu qiegħed jistennieh li jiddeċiedi dwar  l-iskandlu maħdum f'Kastilja, tal-visas mediċi lil-Libjani.