“Irridu noqgħodu attenti li ħadd minna ma jasal imnikket fi tmiem ħajtu”

Ġieli jseħħ li meta l-mewt taħsad il-ħajja ta’ persuna, speċjalment meta tkun mewt ħesrem, ħafna affarijiet jibqgħu mhux kompluti.
Hekk qal l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech waqt l-omelija f’Quddiesa b’tifkira solenni tal-erwieħ.
Mons. Grech ddeskriva kif it-2 ta’ Novembru huwa jum ta’ diqa u kif inġarrbu n-niket għax niftakru fl-għeżież li l-mewt fatmitna minnhom.
L-Isqof Mario Grech qal li hemm persuni li jmutu mnikkta għaliex jitilqu mingħajr ma jaraw uħud minn xewqithom mitmuma.
Saħaq li hija esperjenza kiefra li fl-aħħar ġranet ta’ ħajjitna mmutu bil-piena, filwaqt li hawn uħud li l-mewt ta’ persuna tħallihom imħawdin għax il-mewt tkun waslet qabel ma jkunu f’pożizzjoni li jirranġaw l-affarijiet.
Mons. Grech qal li rridu noqgħodu attenti li ħadd minna ma jasal imnikket fi tmiem ħajtu u għalhekk dak li għandna nagħmlu, nagħmluh u ma nkunux kawża tal-imrar fuqna nfusna.
Huwa ddeskriva każijiet ta’ persuni li jixtiequ kieku jistgħu jirranġaw l-iżbalji li għamlu iżda huwa tard wisq, għax l-oħrajn li fuqhom wettqu inġustizzja mietu.
Irrakkonta kif wieħed li spiss ikun iċ-ċimiterju qallu li mhux darba jew tnejn, meta ċ-ċimiterju jkun vojt, jara persuni jibku għax ikunu jixtiequ jagħmlu rikonċiljazzjoni mal-persuna midfuna.
L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li jekk għandna xi dejn ma’ ħutna li telqu qabilna, dan nistgħu npattu għalih bit-talb u l-karità.
Enfasizza li l-jum tal-Għid tal-Imwiet, huwa jum li nitolbu għal ħutna mejtin iżda wkoll opportunita biex nirrikonċiljaw ma’ ħutna li ħallewna.

Ritratt: MGOZ – George Scerri