“Irridu noħorġu mill-kriżi mingħajr ma nerġgħu nsiru kolonja” – Bartolo

Read in English.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li jeħtieġ li Malta toħroġ mill-kriżi li tinsab fiha mingħajr ma ssir kolonja mill-ġdid. Qal li t-titjib tal-qagħda tal-pajjiż irid isir mhux għax iridu hekk il-barranin, iżda għax jeħtieġu dan il-Maltin.

Fil-kitba tiegħu ta’ kuljum fuq Facebook, il-Ministru rreaġixxa għall-vot b’maġġoranza assoluta li ttieħed fil-Parlament Ewropew ilbieraħ, meta 581 Membru Parlamentari Ewropew ivvota favur li l-Prim Ministru Joseph Muscat jirriżenja minnufih. Bartolo qal li l-Maltin għandhom jibqgħu jirrispettaw lilhom infushom tant li ma jobdux b’għajnejhom magħluqin lill-barranin “li jiġu hawn jgħidulna kif għandna mmexxu darna u l-familja tagħna. Lilna jsibuna żgħar.”

Sostna li hemm bżonn li jitjiebu u jinbidlu l-istituzzjonijiet Maltin għall-ġid tal-poplu Malti u mhux għax jordnaw hekk il-barranin.

Il-Ministru temm il-messaġġ tiegħu billi għal darb’oħra, uża l-metafora tas-siġra u qal illi m’għandhiex tintrema s-siġra sħiħa minħabba l-frott imħassar u l-partijiet morda tas-siġra “li ġabu għajb fuqna mad-dinja kollha.”