“Irridu nnaqsu mill-konsum għax ir-rgħiba hija l-għerq tal-ħażen” – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li jekk se nibqgħu bil-mentalità li “għax inqdejt jiena, nqeda kulħadd”, din hija r-riċetta għall-qerda.
Saħaq li rridu nnaqsu l-konsum u noqgħodu ftit lura, għaliex ir-rgħiba hija l-għerq tal-ħażen.
L-Arċisqof Charles Scicluna qal dan waqt seminar organizzat mill-fondazzjoni Centesimus Annus Pro Pontefice (FCAPP) fis-Seminarju tal-Virtù.
Matul dan is-seminar saret diskussjoni fuq analiżi li fuqha saru riċerki, dibattiti u artikli wara konvenzjonijiet f’Dublin, f’Londra, fi New York u l-Vatikan bi tweġiba għall-appell tal-Papa Franġisku biex il-bniedem jitbiegħed minn ekonomija li teqred u teskludi u tippromwovi l-inugwaljanzi.
L-Arċisqof Scicluna għamel referenza għat-tieni ittra tal-Appostlu San Pawl lil Timotju fejn saħaq li minħabba r-rgħiba ma nistgħux nifhmu l-ġustizzja.
Qal li l-ġustizzja mhix biss li nagħtu lil ħaddieħor dak li jistħoqqlu imma wkoll ir-responsabbilità li nħarsu dak li huwa tal-ġenerazzjonijiet futuri.
Enfasizza li d-dinjità ġejja minn Alla u l-Istat għandu jħares din id-dinjità.
Għas-seminar ħadu sehem l-ekonomista Lawrence Zammit, il-filosofu Fr Mark Sultana, l-ekstrejdunjonista Gejtu Vella u Joseph F X Zahra bħala Chairman.
Huma taw ħarsa fuq bosta aspetti differenti tal-ekonomija, in-negozju, it-tnaqqis tal-faqar, ir-rwol tal-istituzzjonijiet u tal-individwu mil-lenti tan-nisrani. 

Ritratti: Reel8