​“Irridu nnadfu l-politika fil-pajjiż” – Simon Busuttil

Il-Kap Nazzjonalista Dr Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni għandha responsabbiltà kbira li tikxef l-iskandli u l-korruzzjoni istituzzjonalizzata.
Għalhekk ħabbar li fiż-żmien li ġej, il-PN se jkun qed iniedi sensiela ta’ proposti li bihom inaddaf il-politika fil-pajjiż.
Waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju nazzjonali, Dr Busuttil sostna li l-Oppożizzjoni mhix se tkun intimidata mill-aġir tal-Gvern iżda trid taħdem f’ġieh it-trasparenza u l-indafa fil-politika.
Semma kif l-għajta ta’ “Malta Tagħna Lkoll” issa nbidlet għal dik ta’ “Malta Tagħhom Biss” fejn irrefera għal għadd ta’ skandli, fosthom dawk tal-każ ta’ Marco Gaffarena kif ukoll id-deċiżjoni tal-Gvern li jibni fiż-Żonqor.
Qal li dan kollu joħloq xebħ bejn il-klima politika tal-lum u dik tas-snin tmenin, fejn anka kien hemm tensjoni fil-Parlament minħabba l-aġir li sejjaħ bħala “xejn xieraq” tal-membri tal-Gvern.
Mistoqsi xi tkun l-ewwel ħaġa li jagħmel bħala Prim Ministru, Simon Busuttil qal li jbiddel il-Kodiċi tal-Etika biex ikun wieħed sura ta’ nies u li jgħolli l-istandards tal-Ministri u l-imġieba tagħhom.
Tkellem ukoll dwar l-ekonomija li filwaqt li qal li din sejra tajjeb, l-anzjani u l-pensjonanti ingħataw biss 58 ċenteżmu fil-ġimgħa.