Irridu nkunu l-protagonisti f’pajjiżna

Ħmistax qabel l-elezzjonijiet muniċipali li se jsiru fil-5 ta’ Novembru, l-Isqfijiet fin-Nikaragwa ħarġu messaġġ u qalu li xejn ma nbidel fis-sistema elettorali tal-pajjiż, iżda appellaw liċ-ċittadini biex ikunu protagonsiti u jiddeċiedu l-futur ta’ pajjiżhom.
“Aħna jidhirlna li ħafna mill-problemi fil-pajjiż baqgħu l-istess. M'għandniex nistennew li s-sitwazzjoni tasal fl-estrem biex inqajmu kuxjenza dwar il-kwestjonijiet politiċi u soċjali li għandna”, jgħid il-messaġġ.
L-Isqfijiet kienu ċari u skjetti fil-mod kif iddeskrivew is-sitwazzjoni: “Id-demoralizzazzjoni tal-poplu twassal għall-apatija u nħallu lil ħaddieħor jiddeċiedi għalina. Ejja ma ninsew qatt li aħna l-poplu tan-Nikaragwa għandna l-aħħar kelma biex niddeċiedu l-futur ta’ pajjiżna."
"Is-saħħa li jirnexxilha tibdel is-soċjetà hi s-saħħa tal-poplu li inkoraġġit mill-ġustizzja u l-libertà jibni l-ġid komuni, il-verità u l-ġustizzja soċjali. Aħna protagonisti mhux spettaturi. Fid-dinja tal-lum, fejn il-politika m’hix apprezzata, għandna bżonn politiċi li jmexxu bi ħniena”, qalu l-Isqfijiet.
Il-messaġġ jappella għat-talb għal dan l-avveniment politiku. “Il-qawwa tat-talb tista’ tmexxi l-istorja. Nistiednu lil kulħadd biex ma jkunx biss spettatur biex ma nħallux lil min irid jaħtaf il-poter ikompli jiddomina, imma nkunu aħna li niddeċiedu bil-għaqal biex niksbu lura dak li tlifna: il-ħila li neżerċitaw id-drittijiet tagħna ta’ ċittadini.”