“Irridu nkunu b’saħħitna u nikbru mingħajr ma nagħmlu ħsara lil ħaddieħor”

Il-President Ċiniż, Xi Jinping, wissa lill-poplu li m’għandux ikun kompjaċenti dwar l-iżvilupp tal-pajjiż, u jaċċetta kollox bħala tajjeb mingħajr ma jikkritika xejn, filwaqt li enfasizza li f’dal-mument għaċ-Ċina s-soċjaliżmu biss jista’ jsalvaha.
Xinping qal dan il-kliem meta kien qed jindirizza lill-Kungress Nazzjonali tan-Nies (NPC), hekk kif l-istess kungress għadu kif neħħa l-limitu ta’ kemm president jista’ jservi bħala tali, jiġifieri Xinping jista’ jsir president għal għomru jekk jibqgħu jivvutawlu.
Tkellem ukoll kontra dawk li qed jippromwovu mentalità separatista bejn it-Tajwan u ċ-Ċina.
Iċ-Ċina temmen li t-Tajwan hu provinċja moħħha biex tissepara minnha, u tememn li xi darba għad terġa’ tingħaqad magħha.
Fid-diskors tiegħu waqt dis-seduta parlamentari annwali, il-President Ċiniż espona l-viżjoni deskritta bħala “grandjuża”, li għandu għaċ-Ċina, jiġifieri li jerġa’ jġib liċ-Ċina pajjiż żagħżugħ u jseddaq, fi kliemu, il-kontribuzzjonijiet li l-pajjiż qed jagħti lid-dinja.
Qal li hu jħares lejn in-nies bħala l-eroj ta’ vera tal-pajjiż, u saħaq li l-politiċi jridu jaħdmu qatigħ biex iservuhom.
Huwa u jitkellem dwar l-ambizzjonijiet taċ-Ċina, enfasizza li trid tkun b’saħħitha iżda mhux aggressiva, u ma tridx tikber billi tagħmel dannu lill-bqija tad-dinja.
Wara Jinping tkellem il-Prim Ministru, Li Keqiang, li ċ-Ċina trid taħdem ma’ pajjiżi oħra f’termini ekonomiċi, u se tħabrek sabiex tinfetaħ aktar sabiex il-kumpaniji domestiċi u dawk barranin fil-pajjiż ikunu jistgħu jikkompetu fuq art komuni.
Dawn il-kummenti jikkuntrastaw ma’ dawk tal-President Amerikan, Donald Trump, li fl-aħħar xhur tkellem u ħa miżuri lejn l-għeluq tas-suq Amerikan minn influwenzi barranin, ngħidu aħna meta semma li ried jimponi xi tariffi fuq pajjiżi oħra.