“Irridu nkomplu ntejbu l-ħajja tal-aktar vulnerabbli”

vulnerable-woman

Iċ-Ċermen tal-Kumitat tas-Soċjeta Ċivili, Ben Rizzo, irrikonoxxa x-xogħol fi ħdan il-kumitat filwaqt li sostna li l-għan aħħari hu dak li jiġu mfassla ideat u miżuri li jtejbu ħajjet l-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà.
Dan qalu waqt il-laqgħa tal-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili li saret it-Tnejn u li għaliha kien hemm preżenti l-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Aaron Farrugia.
Il-laqgħa ġiet miftuħa minn John Benċini, iċ-Ċermen tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).
Il-Ministru Dalli sostniet li l-vuċi tas-soċjetà ċivili hija importanti fl-MCESD għax fid-diskussjonijiet dwar affarijiet li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum, huwa tajjeb li s-soċjetà ċivili ssemma leħinha u mhux jitkellmu biss il-gvern, il-unjins u min iħaddem.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Farrugia kkonkluda l-laqgħa billi rrikonoxxa l-fatt li l-membri ta’ dan il-Kumitat huma l-vuċi ta’ dawk li jinstabu f’qagħda vulnerabbli. Sostna li se jkun qed joffri għajnuna sabiex jiffaċilita diskussjonijiet ma’ Ministeri u entitajiet oħra li huma ta’ relevanza.