Irridu nitgħallmu ngħixu mal-coronavirus sakemm jinstab vaċċin – Kamra tal-Kummerċ

a woman is waiting outside a shop to open coronavirus
Miguela Xuereb

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, il-Perit David Xuereb, qal li wasal iż-żmien li tinfetaħ l-ekonomija u l-pubbliku jirritorna għax-xogħol. Qal li kulħadd irid jitgħallem jgħix f’realtà fejn il-coronavirus huwa preżenti sakemm jinstab vaċċin.

Fi stqarrija, il-Perit sostna li l-messaġġi differenti li kienu qed joħorġu qed iqajmu konfużjoni sħiħa. Xuereb qal li l-Kamra tal-Kummerċ għandha tliet prinċipji li għandhom ikunu kkunsidrati meta wieħed jieħu ċerti deċiżjonijiet: is-saħħa fiżika, is-saħħa ekonomika u s-saħħa mentali. Qal li mhux realistiku li pajjiż jissielet għal figura viċin iż-żero ta’ każi tal-coronavirus mingħajr ma jeżisti vaċċin. Qal li għalhekk, id-distanza soċjali, l-iġene tajba u l-protezzjoni tal-vulnerabbli jibqgħu fost l-aktar fatturi importanti.

Insista li bir-realtajiet preżenti, wasal iż-żmien li n-negozji u l-ekonomija jerġgħu jinfetħu. Intant qal li kulħadd irid jara li n-negozju tiegħu jkun sigur għall-ħaddiema. Il-Perit qal ukoll li hemm bżonn li s-sidien tan-negozju jkunu mgħarrfa eżatt dwar x’risk assessment iridu jagħmlu qabel ma jitolbu lill-impjegati tagħhom imorru lura għax-xogħol.

“Irridu nirritornaw għax-xogħol u dawk li qed jibżgħu għandhom jagħmlu dan biss jekk min qed jimpjegahom mhux qed joffri ambjent sigur tax-xogħol,” insista Xuereb.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn