Il-veteran fl-affarijiet Ewropej Peter Agius qal li Malta trid tinnegozja b’modi differenti għall-fondi Ewropej dwar il-coronavirus.
F’filmat fuq Facebook Agius qal li dan għaliex Malta tista’ tispiċċa toħroġ l-istess ammont li se ddaħħal minn taxxi fuq kumpaniji ibbażati f’Malta.
Agius kien kandidat tal-PN għall-aħħar elezzjonijiet tal-MEPs. Serva wkoll mat-tim tal-eks President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani.
Malta mistennija tirċieivi kważi biljun ewro mill-pjan ta’ €750 biljun li żvelat il-Kummissjoni Ewropea biex l-Ewropa tirkupra mill-effetti tal-coronavirus.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna stqarr li l-Gvern irid iħares lejn il-kundizzjonijiet tal-pakkett ta’ kważi €1 biljun li l-Kummissjoni Ewropea allokat għal Malta f’għajnuna biex tirkupra mill-effetti tal-coronavirus.
Agius rrefera wkoll għar-reazzjoni tal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qabbel il-pjan finanzjarju tal-Unjoni Ewropea mal-bajtar tax-xewk. Meta kien qed wieġeb mistoqsija supplimentari tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis, il-Ministru Scicluna spjega li l-pjan ta’ €750 biljun propost mill-UE biex l-Ewropa tirkupra mill-effetti tal-coronavirus, imur kontra l-ġlieda tal-Gvern kontra l-armonizzazzjoni tat-taxxa.
“Dan il-pjan hu bħall-bajtar tax-xewk, frotta tajba iżda trid toqgħod attent kif taqbadha,” xebbah Scicluna.
Agius qal lil Newsbook.com.mt li r-reazzjoni ta’ Scicluna hija “inkwetanti”.
“Ir-reazzjoni tal-Ministru għalija hija inkwetanti għax donnu diġà qed jagħti walk-over, meta l-partita tan-negozjati fl-Ewropa waslet għat-tieni half – fejn trid tiġi negozjata l-proposta fil-Kunsill tal-Ministri u wara mill-Prim Ministru Abela,” qal Agius.
Saħaq li l-Gvern m’għandux jiġi bi skużi minn issa, iżda għandu jippreżenta l-bżonnijiet ta’ Malta u Għawdex li speċjalment minħabba t-turiżmu għandhom jiġu kkunsidrati bħala ‘net beneficiary’ u mhux kontributur bħal ma jidher li Malta se tkun skont il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.