​Irridu nindirizzaw il-fabbriki tat-trolls – Metsola

Il-Membru tal-Parlament Ewropew (MPE) Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li jridu jiġu indirizzati l-fabbriki professjonali tat-trolls li jinfluwenzaw il-ħsibijiet tan-nies.
Fi stqarrija, Metsola qalet li kienet mistiedna titkellem waqt taħdita pubblika fl-Università Furman, f’South Carolina fl-Istati Uniti.
Waqt id-diskors tagħha, Metsola qalet “il-fenomenu tal-aħbarijiet foloz u informazzjoni żbaljata fuq l-internet qed isir aktar problematiku.”
Fi kliem Metsola, il-midja soċjali hija xi ħaġa tajba għad-dinja iżda qalet li ma tistax tiġi abbużata. Qalet li jrid jiġi indirizzat l-użu tal-metadata li jimmina l-midja soċjali kif ukoll il-bejgħ tal-propoganda bħala fatt.
Il-metadata hija sett ta’ data li tiddeskrivi u tagħti informazzjoni dwar data oħra.
Roberta Metsola sellmet lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, u sostniet li għandu jkun hemm protezzjoni akbar għal-libertà tal-midja.
L-MPE qalet li l-Ewropa u l-Istati Uniti ma jistgħu qatt jkunu silenzjużi quddiem it-theddid għall-libertajiet fundamentali.
Waqt id-diskors tagħha, Metsola qalet li l-fatt li twieldet u trabbiet f’Malta jfisser li tgħallmet li d-daqs tal-ideat u l-fond tal-integrità dejjem jirbħu fuq il-limitazzjonijiet tal-ġeografija.
Filwaqt li saħqet dwar l-importanza li tkun indirizzata l-politika populista, Metsola qalet li “L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti huma tnejn mill-akbar forzi ekonomiċi b’saħħithom fid-dinja”. Żiedet tgħid li s-saħħa tagħhom toħroġ l-aktar għaliex m’humiex biss dwar l-ekonomija. Qalet li hemm wegħda komuni li l-valuri u l-istil ta’ ħajja ma jkunux mhedda.