“Irridu nilqgħu, nipproteġu, nippromwovu u nintegraw” – Il-Papa

Fil-messaġġ tiegħu fil-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati, il-Papa Franġisku tenna li t-tweġiba għall-isfidi tal-migrazzjoni tal-lum tista’ tinġabar f’erba’ verbi: “nilqgħu, nippproteġu, nippromwovu u nintegraw.”

Sostna li dawn il-verbi ma japplikawx biss għall-migranti u r-refuġjati imma jiddeskrivu wkoll il-missjoni tal-Knisja ma’ dawk kollha li qed jgħixu fil-periferija tal-eżistenza, li jridu jkunu milqugħin, imħarsin, miġjubin ‘il quddiem u integrati. Tenna li l-migranti, speċjalment dawk li huma l-iktar vulnerabbli, jgħinu sabiex wieħed jgħaraf “is-sinjali taż-żminijiet”. Permezz tagħhom, il-Papa qal li l-Mulej isejjaħ lill-bnedmin għall-konverżjoni, biex jinħelsu mill-esklussività, l-indifferenza u l-kultura li tarmi.

“Huma aħwa li jridu jiġu maħbubin”

Il-Papa Franġisku tenna li l-migranti u r-refuġjati ma jippreżentawx biss problema li trid tiġi solvuta, iżda huma aħwa li jridu jiġu milqugħin, rispettati u maħbubin. Sejħilhom ukoll okkażjoni sabiex tinbena soċjetà aktar ġusta, demokrazija iktar perfetta, pajjiż iktar magħqud u dinja aktar fraterna.

Sostna li d-dinja tal-lum qed issir dejjem aktar waħda elitista u krudili mal-esklużi. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed ikomplu jaraw l-aħjar riżorsi naturali u umani tagħhom jinxtorbu għall-benefiċċju ta’ ftit swieq privileġġjati. Qal li l-gwerer jaffettwaw biss uħud mir-reġjuni tad-dinja. Madanakollu, l-armi tal-gwerer isiru i jinbiegħu f’reġjuni oħrajn li mbagħad ma jridux jilqgħu lir-refuġjati li jnisslu dawn il-kunflitti.

“Il-kunflitti vjolenti u gwerer sħaħ ikomplu jkissru l-umanità”

Il-Papa qal li l-kunflitti vjolenti u gwerer sħaħ ikomplu jkissru l-umanità, l-inġustizzji u d-diskriminazzjoni jirkbu lil xulxin, l-iżbilanċ ekonomiku u soċjali fuq skala lokali u globali huma diffiċli li jintrebħu.

Qal li l-migranti, ir-refuġjati, il-persuni milqugħin minn għeruqhom u l-vittmi tat-traffikar saru emblemi ta’ esklużjoni. Sostna li minbarra t-tbatijiet li diġà jgħaddu minnhom, in-nies ta’ spiss tħares lejhom nl-ikrah u tqishom bħala l-għeruq tad-deni kollu tas-soċjetà. Il-Papa qal li l-attitudni tar-rimi tal-bnedmin se tibqa’ twassal sabiex kull min ma jkunx fi ħdan in-normi aċċettati ta’ qagħda tajba fiżikament, mentalment u soċjalment, se jkun friskju li jiġi emarġinat u eskluż.

“Il-biżgħa hu leġittimu”

Il-Papa semma kif bosta huma dawk li jibżgħu minn dawn il-persuni u qal li din il-biżà hija leġittima, għax ma hemm tħejjija sewwa għal dan l-inkontru. Qal li l-problema mhix li l-bnedmin ikollhom id-dubji u l-biżgħat, imma li jħallu dawn id-dubji jikkundizzjonaw il-mod ta’ kif jaħsbu u jaġixxu, sal-punt li jisru intollerantil magħluqin u saħansitra razzisti.

Qal li l-mogħdrija tmiss l-iktar kordi sensittivi tal-umanità tagħna, b’mod li tnissel fil-bnedmin ħerqa qawwija biex ikunu “proxxmu” għal dawk kollha li jaraw f’diffikultà. Qal li wieħed juri mogħdrija jfisser li jagħrfu t-tbatija ta’ ħaddieħor u li jieħdu azzjoni minnufih biex idewwu, ifejjqu u jsalvaw.