Irridu niġġieldu t-tixrid ta’ Fake News fuq il-COVID-19 – WHO

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) flimkien man-Nazzjonijiet Maqgħuda, illum talbet biex kull pajjiż jiżviluppa u jimplimenta pljan ta’ azzjoni li jippromwovi t-tixrid ta’ informazzjoni korretta bbażata fuq ix-xjenza, biex tnaqqas it-tixrid ta’ informazzjoni falza dwar il-pandemija filwaqt li tirrispetta l-libertà tal-espressjoni.

Dan l-appell ġie diskuss waqt webinar li sar iktar kmieni llum bejn dawn l-għaqdiet. Waqt il-webinar intqal li hekk kif il-virus tal-COVID-19 beda jinxtered mad-dinja, miegħu bdew jinxterdu wkoll messaġġi perikolużi u foloz fuq il-midja soċjali. Kawża t’hekk ħafna nies tgerfxu u ma ngħatawx pariri korretti.

Is-Segretarju tan-Nazzjonijiet Maqgħud, Antonio Guterres, qal li jeħtieġ li kull pajjiż ikun kommess li jiġġieled il-misinformazzjoni bil-verità, hekk kif l-informazzjoni ħażina qed tpoġġi iktar ħajjiet f’riskju u qed timmina l-fiduċja tas-soċjetà fix-xjenza.