“Irridu niġbru iktar minn €21,000 minn Għawdex għad-Dar tal-Providenza”

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, esprima x-xewqa tiegħu li waqt il-kampanja ta’ ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza, parroċċi Għawdxin jiġbru iktar mis-somma li ġabru s-sena li għaddiet, li kienet ta' €21,413. 
Waqt żjara lid-Dar tal-Providenza, li matulha ltaqa’ u tkellem mar-residenti, mal-ħaddiema u mal-Komunità tas-Sorijiet tal-Karità, Mons. Grech appella lill-poplu Għawdxi biex ikun ġeneruż waqt il-ġabra ta’ tmiem is-sena li ssir b’risq id-Dar tal-Providenza, sabiex tingħatalha somma sostanzjali mid-Djoċesi ta’ Għawdex waqt il-Festa ta’ Ġenerożità fl-1 ta’ Jannar.
L-Isqof Grech faħħar il-ħidma li qed issir mid-Dar tal-Providenza ma’ persuni b’diżabilità, u saħaq fuq il-bżonn li f’dawn iż-żminijiet il-ġenerożità tal-pajjiż tilħaq lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Mons. Grech qal li billi wieħed juri solidarjetà mal-proxxmu, speċjalment dawk il-membri tas-soċjetà li huma l-iktar vulnerabbli, u li qed ibati b’kull xorta ta’ tbatija, ikun qiegħed joqrob iktar lejn Ġesù għax, fi kliemu, “Ġesù mhuwiex tal-kartapesta, jew xi ħadd “hemm fuq”, iżda jinsab fil-bniedem”.
L-Isqof Grech temm jirringrazzja lid-direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, kif ukoll lill-persuni kollha li jaħdmu fid-Dar, filwaqt li awgura li tkompli l-ħidma tagħhom f’iktar lokalitajiet madwar Malta fejn qed jibdew jiftħu iktar djar żgħar.