‘Irridu nifhmu iktar lil xulxin bħala pajjiżi Ewropej’ – PM

DOI / Omar Camilleri

Il-Prim Ministru Joseph Muscat appella lill-istati membri tal-Unjoni Ewropea biex ikun hemm iktar ftehim bejnithom hekk kif wissa li hemm forzi li qed jaħdmu kontra l-proġett Ewropew.

Il-Prim Ministru kien qiegħed fil-Polonja għall-okkażjoni tal-15-il sena anniversarju minn meta 10 pajjiżi ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004. L-avveniment kien organizzat mill-Prim Ministru Pollakk Matuesz Morawiecki f’Varsavja.

Fid-diskors tiegħu Muscat qal li l-Ewropa trid tkun il-forza u tkun miftuħa kemm f’kuntest intern u f’kuntest globali.

Kompla jgħid li s-suq intern tal-Unjoni Ewropea huwa wieħed mill-aqwa kisbiet filwaqt li qal li hemm diversi forzi li qed jipprovaw ikissru l-proġett Ewropew. Kompla li spjega li dawn il-forzi jridu jiksru mal-4 libertajiet li huma l-prinċipji fuq xiex inbena l-proġett Ewropew. Sostna li l-pajjiżi Ewropej iridu jagħmlu minn kollox biex jipproteġu dawn il-prinċipji.

Muscat qal ukoll li l-erba’ libertajiet jinkludu l-moviment ħieles tal-merkanzija, kapital servizzi u ħaddiema.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Helena Dalli wkoll attendiet għall-attività fil-Polonja.