“Irridu nimxu lil hinn mid-dipendenza fuq il-karozza privata” – Ian Borg

Il-Ministru Ian Borg qal li l-Maltin u l-Għawdxin iridu jidraw iħallu l-karozzi tagħhom id-dar u minflok iduru lejn trasport alternattiv u iktar nadif biex iwassalhom fejn ikollhom bżonn imorru.
Il-Ministru Borg qal dan waqt il-ftuħ ta’ konsultazzjoni bejn dawk kollha involuti fis-settur tat-trasport, bħala parti mill-proġett PROMETEUS, li jippromwovi fost l-oħrajn it-tnaqqis ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-arja u l-qabża minn vetturi tradizzjonali għal dawk li jaħdmu bl-elettriku.
Dr Borg spjega fi stqarrija li din il-bidla fil-mentalità se tkun il-mira ta’ diversi proġetti li beħsiebu jniedi l-Gvern, fosthom il-proġett SMITHS, li se jippromwovi l-użu ta’ trasport pubbliku jew vetturi li ma jniġġsux minflok l-użu ta’ karozza tradizzjonali li ħafna drabi tkun qed iġġorr biss persuna waħda.
Il-proġett DESTINATIONS ukoll se jkun qed jiffoka fuq l-ippjanar ta’ soluzzjonijiet sostenibbli ta’ mobbiltà urbana.
Il-Ministru fakkar ukoll fil-proġett tal-kumpanija CAR2GO Israel, li se tinvesti iktar minn €8 miljun f’Malta billi tintroduċi għall-ewwel darba fil-pajjiż servizzi ta’ car-sharing.
Madankollu, Dr Borg saħaq li mingħajr bidla fil-mentalità, il-pajjiż mhu se jasal imkien, u għalhekk rringrazzja lill-persuni li qed jikkontribwixxu għad-diskussjonijiet biex is-sistema tat-trasport f’Malta mhux biss issir iktar nadifa, iżda ssir iktar effiċjenti wkoll.