Irridu nibżgħu għall-Ħolqien

Id-Deċiżjoni tal-President Amerikan Donald Trump li l-Istati Uniti toħroġ mill-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima hi waħda ta’ inkwiet kbir u se tagħmel ħsara kbira lill-poplu tal-Istati Uniti u lid-dinja kollha kemm hi.  Fil-fatt, id-dinja kollha kkundannat din id-deċiżjoni.
Trump qal li kien se jinħall mill-imsemmi ftehim għax dan kien qed jorbot idejn pajjiżu iżda kien lest li jibda negozjati ġodda biex pajjiżu jerġa’ jidħol fil-Ftehim ta’ Pariġi iżda b’kundizzjonijiet aktar ġusti għall-Amerika jew taħt xi forma ta’ ftehim ġdid.
Fi stqarrija konġunta mal-Italja u l-Ġermanja, il-President Franċiż ġdid Emmanuel Macron warrab l-idea li l-Ftehim ta ‘ Pariġi jerġa’ jkun negozjat mill-ġdid u qal li l-President Trump “ma għandux jitqarraq dwar il-klima; f’dan il-każ ma hemm Pjan B għax ma teżistix Pjaneta B”. Anke l-Prim Ministru Theresa May ikkundannat id-deċiżjoni ta’ Trump.
Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres qal li d-deċiżjoni ta’ Trump hi diżappunt kbir għall-isforzi globali biex inaqqsu l-emissjonijiet u jippromwovi s-sigurta’ globali.
Min-naħa tagħhom l-Isqfijiet Amerikani filwaqt li appellaw lill-Donald Trump biex jonora l-Ftehim dwar il-Klima li jippromwovi l-valuri tal-Iskrittura li għandna nibżgħu għall-ħoqien u nieħdu ħsieb xulxin b’solidarjeta’.
Huma qalu li din id-deċiżjoni kienet se “tagħmel ħsara mhux biss lill-poplu Amerikan imma b’mod speċjali l-foqra u l-komunitajiet l-aktar vulnerabbli. L-impatt tat-tibdil fil-klima diġa’ qed jinħass bil-livelli tal-baħar jogħlew, silġ idub, aktar maltempati qliel u nixfiet.  Nittamaw li l-President Trump jieħu passi konkreti biex jippromwovi l-ħarsien tal-ambjent”.
L-Isqfijiet qalu li huma, flimkien mal-Papa Franġisku u l-Knisja Kattolika kollha kemm hi konsistentement appoġġjaw il-Ftehim dwar il-Klima bħala mekkaniżmu internazzjonali importanti li jippromwovi l-ħarsien tal-ambjent u jinkoraġixxi t-tnaqqis ta’ ħsara tal-bidla fil-klima.