Irridu nibqgħu għaddejjin b’dan ir-ritmu – Mata

Hekk kif ir-rivali eterni Manchester United u Manchester City qed jippreparaw ruħhom sabiex jaffaċċjaw lil xulxin nhar il-Ħadd fid-derby klassiku, tkellem il-plejer Spanjol tar-Red Devils Juan Mata.
Dan tal-aħħar sostna illi huma se jagħmlu dak kollu possibli sabiex inaqqsu d-distakk ta’ tmien punti illi għandhom fuq l-istess City illi mexjin b’pass verament mgħaġġel.
“Qed nagħmlu dak li għandna nagħmlu,” beda biex qal Mata meta mistoqsi mill-gazzetta Evening Standard.
“Nixtiequ illi qegħdin f’pożizzjoni aħjar milli qegħdin iżda naħseb illi s’issa konna ferm pożittivi f’dak li rnexxielna nwettqu.”
“Issa li għandna tliet ġimgħat intensivi, bejn il-konfront tal-Ħadd kif ukoll il-logħbiet stressanti ta’ żmien il-Milied, importanti illi nibqgħu għaddejjin b’dan ir-ritmu,” stqarr l-eks plejer ta’ Chelsea.
Mata ammetta illi l-kampjonat Ingliż huwa wieħed ferm diffiċli u trid tkun fl-aħjar forma għax malajr b’żewġ telfiet tinqata’ lura mit-tiġrija għat-titlu.
Huwa mistenni jibda mal-ewwel ħdax ta’ Jose Mourinho kontra l-Isky Blues, f’logħba illi għandha tiddeċiedi x-xorti ta’ dan il-kampjonat għat-tim li jilgħab f’Old Trafford.