Filmat: “Irridu nibqgħu fuq il-karru li bih tlifna b’40,000?” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia staqsa jekk il-partit għandux jibqa’ fuq karru li bih kien tilef b’40,000 vot.

Dan qalu waqt il-programm Iswed fuq l-Abjad fuq l-istazzjon televiżiv tal-PN b’referenza għall-allegazzjonijiet b’rabta mal-kumpanija Egrant li kienu ċentrali fil-kampanja elettorali tal-PN fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Delia tkellem ukoll dwar ir-rispett lejn il-liġijiet f’Malta (is-saltna tad-dritt). Qal li l-PN ma jistax jippriedka dwar l-importanza ta’ dan filwaqt li jinjora l-konklużjonjiet tar-rapport tal-Maġistrat Aaron Bugeja. Delia ddeskriva lil Bugeja bħala wieħed mill-aħjar Maġistrati f’Malta.

Dwar il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Delia qal li bil-fatti li ġew ippublikati s’issa, diġà hemm raġuni biżżejjed biex dawn jirreżenjaw.

Delia rrefera wkoll għad-deputati tal-PN li qabżu għall-eks Kap tal-PN Simon Busuttil fuq il-midja soċjali. Qal li uħud minnhom ma qrawx ir-rapporti kollha.

Stqarr li l-PN irid iħaddan l-ogħla standards biex ikun kredibbli fil-ġlieda kontra l-korruzjoni.

Dwar ir-rapport tal-FIAU li ppublika Casa, Delia qal li dan ma kienx rapport finali. Delia żied jgħid li ma kienx qed jgħid li r-rapport huwa minnu u li l-anqas mhu qed jagħmlu tiegħu.

Waqt il-programm Delia qal ukoll li fuq kwistjonijiet fejn ma jkunx hemm biżżejjed provi, ikun inutli li wieħed ikompli jippersisti fuqhom. Delia stqarr li l-PN irid jerġa’ jibni l-kredibilità tiegħu billi jgħid il-verità.

Stqarrija tal-PN

Fi stqarrija, il-PN qal li “l-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja bl-ebda mod ma jiskolpaw lil Keith Schembri u Konrad Mizzi, n-nies l-aktar qrib tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li bil-fatti kellhom il-kumpaniji moħbija fil-Panama Hearnville u Tillgate.“

Il-PN żied jgħid li “filwaqt li jaċċetta r-riżultat tal-inkjesta, għax għandu fiduċja fl-istituzzjoni tal-Qorti, l-partit jerġa’ jtenni li l-Prim Ministru jaf li għandu responsabbilità politika li ma ġarrx.”