“Irridu ngħaddu mid-dlam biex nissaħħu fil-fidi” – L-Isqof Grech

Toni Farrugia

Read in English.

L-Amministratur Appostoliku t’Għawdex l-Isqof Mario Grech xebbah l-istorja ta’ San Ġorġ Martri, fil-ġlieda tiegħu kontra dragun qerriedi, mar-realtà li qed jaffaċċjaw il-bnedmin illum, huma u jikkumbattu l-pandemija tal-coronavirus. L-Isqof qal li bil-pandemija qegħdin nintebħu bil-limiti tagħna u kemm nixxellfu mix-xejn, meta konna mingħalina li missejna s-sema. Għalkemm żmien diffiċli, huwa spjega li jeħtieġ li ngħaddu minn perjodu ta’ dlam sabiex nissaħħu fil-fidi tagħna.

Waqt l-omelija tiegħu tal-bieraħ fil-quddiesa tal-festa ta’ San Ġorġ Martri fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat, l-Isqof Grech tkellem fuq il-mistiċità ta’ San Ġorġ Martri, u kif dan salva lin-nies tal-belt ta’ Silene fil-Libja mid-dragun u ressaqhom lejn Alla.

Huwa rrakkonta kif ladarba San Ġorġ għeleb lid-dragun, huwa evanġelizzalhom l-imħabba t’Alla, tant li eventwalment in-nies kollha ta’ din il-komunità pagana tgħammdu. Huwa għenhom biex jagħrfu min hu Alla veru, u għallimhom jafdaw fih. Qal li, “F’dawn iċ-ċirkustanzi llum, San Ġorġ jerġa’ jħabbrilna lil Ġesù Kristu. San Ġorġ qed jgħidilna biex ma naqtgħux qalbna, għax Ġesù Kristu huwa magħna. Alla mhux ser jitlaqna.”

L-Isqof qal li jifhem li hemm min isibha diffiċli jaċċetta dan, meta hawn tant imwiet u ħajjiet missielta madwar id-dinja. Qal, iżda, li jekk ma ngħaddux minn perjodu mudlam, hemm ir-riskju li l-fidi tibqa’ ma timmaturax u ma tissaffiex. Dan il-lejl mudlam tkellmu dwaru l-mistiċi, fosthom San Ġwann tas-Salib, Santa Tereża ta’ Avila, Santa Tereżina tal-Bambin Ġesù, Santa Tereża Benedetta tas-Salib (Edith Stein), Santa Tereża ta’ Kalkutta u Santa Maria Grazia tal-Inkarnazzjoni. Fisser kif minkejja din is-swidija, huma baqgħu jemmnu, anzi użaw dan il-perjodu biex jissaħħu fil-fidi tagħhom.

L-Amministratur Appostoliku t’Għawdex stieden lill-Insara sabiex iħallu lil San Ġorġ jerġa’ jistedinhom jiftħu qalbhom għal Kristu, sabiex Kristu jkun it-tama tagħhom f’dan iż-żmien ta’ sfida. Semma kif meta f’Għawdex kien hemm il-pesta fis-seklu 17, l-Għawdxin irrikorrew għal San Ġorġ u talbuh jinterċedi. Għaldaqstant, huwa ta parir li, “Nibdew bl-affarijiet l-akar ċkejknin: fil-ħajja tal-familja, fir-relazzjonijiet tagħna mal-ġirien, kif ukoll fl-attenzjoni li aħna nagħtu lil dawk li huma fil-bżonn. B’dan il-mod il-lejl mudlam isir jum tal-glorja.” San Ġorġ, qal l-Isqof, jifhem x’inhu dan il-perjodu ta’ dlam, peress li hu wkoll għadda minnu meta għadda mill-martirju.

Toni Farrugia

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn