“Irridu ngħaddu lil uliedna pajjiż iħaddar iktar milli sibnieh” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li rridu li l-ambjent naturali, inkluż dak marittimu, isir parti integrali mill-ekonomija ta’ Malta. L-ambjent għandu jkun għodda favur żvilupp sostenibbli.

Waqt żjara li għamel fil-Mosta bħala parti mill-attivitajiet tal-Indipendenza Dr Delia qal li dan jista’ joħloq mudell ekonomiku ġust li joħloq il-ġid għal kulħadd, bil-kontra ta’ dak li qed jagħmel il-Gvern b’missjoni ċara li jpoġġi l-ambjent fil-qiegħ nett tal-aġenda tiegħu.

Dr Delia temm jgħid li l-preżenza tal-plastik fil-baħar qed tiżdied b’rata allarmanti. Sostna li dan ifisser li hemm bżonn aktar investiment fir-riċerka favur miżuri li jindirizzaw l-eżiġenzi ta’ dan il-qasam bħal materjal alternattiv għall-plastik u l-użu tas-seabins.