Irridu nerġgħu nibdew inħarsu lejn il-familja bħala istituzzjoni

L-Arċisqof Diarmuid Martin ta’ Dublin fl-Irlanda, li f’Awwissu li ġej se tilqa’ fiha is-Sinodu tal-Isqfijiet bit-tema “L-Evanġelju u l-Familja”, sostna li fid-dawl tat-tibdil kulturali kbir li qed iseħħ madwarna, irridu nħarsu lejn il-familja bħala istituzzjoni u ma naqtgħux qalbna.
F’intervista mal-Organizazzjoni Zenit, l-Arċisqof Matin qal li sa mill-bidu tal-Pontifikat tiegħu l-Papa Franġisku mill-ewwel tefa’ għajnejh fuq il-familja u għażel it-tema tal-Familja għal dan is-Sinodu. Hu rrivoluzzjona l-kunċett tas-Sinodu u inkluda fih anke konsultazzjoni mal-familji.
Dan hu proċess li fih nakkumpanjaw lill-famiji fl-isfidi u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom – inkluż diffikultajiet ekonomiċi u kulturali li fihom isibu ruħhom.  Hu proċess li jrid jitkompla. Hu proċess ta’ inkoraġġiment lill-familji.
Il-familji, jew almenu l-maġġoranza tagħhom, qed jagħmlu ħilithom kollha fi klima kulturali u ekonomika li mhux dejjem hi pożittiva. Il-Knisja trid tgħinhom, tinkoraġġihom u taħdem biex ikun hemm liġijiet u politika ekonomika li tgħinhom jagħmlu dawk l-affarijiet li jixtiequ jagħmlu.
“Il-familji jieħdu gost ħafna meta jaraw 'l uliedhom imorru aħjar minnhom u jħossuhom kburin meta t-tfal imorru tajjeb. Meta fil-Knisja nitkellmu dwar il-familja, ma nfissrux biss li dawn għandhom ikunu involuti fl-istrutturi tagħna.  Irridu li dawn ikunu xhieda tal-imħabba t’Alla billi jħobbu lil żwieġhom u 'l uliedhom. Forsi sal-lum, il-Knisja dan ma enfasizzatux biżżejjed,” qal l-Arċisqof.
F’kuntest internazzjonli wieħed irid iħares ukoll lejn il-familji Isara li huma ppersegwitati. Ħafna drabi dawn il-familji jagħtu xhieda straordinarja, sempliċement billi jkunu Nsara f’postijiet fejn saru qishom ċittadini tat-tieni klassi.
L-Arċisqof Irlandiż qed jittama li wara dan is-Sinodu l-poplu jibda jagħti valur lill-familja bħala istituzzjoni u ma jaqtax qalb mill-isfida tal-bidla kulturali. Jittama li l-familji jkunu kapaċi jispjegaw lil uliedhom x’inhuma l-valuri fundamentali tal-familja.
"Għaliex in-nies għandhom ikunu fidili lejn xulxin? X’inhu l-benefiċċju ta’ din il-fedeltà bejn il-miżżewġin?", staqsa l-Arċisqof.