Irridu nbigħu lil Għawdex bħala destinazzjoni separata minn Malta – Sant

Read in English.

Il-kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li Għawdex irid jinbigħ bħala destinazzjoni seprata minn Malta.

Fi stqarrija Sant qal li kellu sensiela ta’ laqgħat ma’ għaqdiet soċjali, operaturi turistiċi, u bdiewa f’Għawdex. Qal li jrid isir sforz biex il-cruise liners jibdew iżuru lil Għawdex b’mod normali. Qal ukoll li trid titjieb il-konnettività bejn Malta u Għawdex permezz ta’ fast ferry u ta’ ħelikopter.

Sant qal ukoll li l-vuċi ta’ gżejjer żgħar għandha jkollha post fl-UE biex jinstabu soluzzjonijiet politiċi għal bilanċ li jirrispetta l-valuri, l-interessi, u l-bżonnijiet ta’ gżejjer żgħar. Skont Sant, fi ħdan l-UE mhix ħaġa ċara li dejjem qed jinstab dan il-bilanċ.

Fi kliem Sant, l-aħjar mod kif Għawdex u gżejjer bħalu jistgħu jġibu aktar fondi mill-UE hu billi jtellgħu proġetti flimkien ma’ gżejjer tal-UE.