“Irridu nassiguraw l-aħjar protezzjoni lil kull min għandu bżonn” – PN

Miguela Xuereb

Il-Partit Nazzjonalista sostna li hemm bżonn li tkun assigurata l-aħjar protezzjoni lil kull min għandu bżonn u min hu vulnerabbli.

Dan intqal fi stqarrija ffirmata mill-Kap tal-PN Adrian Delia u l-kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri. Huma qaalu li l-pajjiż jinsab għaddej minn diffikultajiet kbar relatati mal-pandemija. Qalu li l-pandemija qed iġġib magħha sfida kbira u serja għall-qasam u għas-servizzi tas-saħħa. “Il-ħajja ta’ ħafna tiddependi minn deċiżjonijiet f’waqthom, mingħajr indħil politiku,” sostnew.

Komplew jgħidu li n-numru tal-persuni infettati kuljum bil-virus huwa wieħed għoli meta mqabbel mal-popolazzjoni. Irrimarkaw li sfortunatament qed ikun hawn ukoll żidiet kbar fin-numru ta’ infezzjonijiet u mwiet fost l-anzjani, il-persuni vulnerabbli u dawk li qegħdin jingħataw jew jieħdu l-kura għal mard ieħor. “Għaldaqstant jeħtieġ u rridu nassiguraw l-aħjar protezzjoni lil kull min għandu bżonn u min hu vulnerabbli, għax is-saħħa tal-poplu tagħna għandha dejjem tkun prijorità,” insistew Delia u Spiteri.

Irrimarkaw li filwaqt li wieħed irid jagħti prijorità lil ġid komuni huwa d-dover ta’ kulħadd li jieħdu ħsieb dawk li huma f’riskju akbar għal saħħithom. Appellaw sabiex kulħadd ikun responsabbli, josserva d-direttivi tas-saħħa u dak kollu li l-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika qegħdin jisħqu fuqhom.

Insistew li l-Gvern għandu l-obbligu li jara x’inhu l-aħjar għall-poplu għax il-ħajja ta’ ħafna tiddependi minn deċiżjonijiet li jittieħdu f’waqthom.