“Irridu naraw li għada pitgħada l-ekonomija tagħna tkun magħmula minn setturi diġitali” – Clayton Bartolo

Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo jinawgura Level Academy

Ritratt: Clifton Fenech

Read in English.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo inawgura ċentru ta’ taħriġ bl-isem ta’ Level Academy, liema post l-għan tiegħu se jkun li jservi ta’ għajnuna kbira għal tfal u żgħażagħ li huma interessati jibdew karriera fis-settur tal-E-Sports u l-logħob tal-kompjuter.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Level Academy, is-Sur Kevin Spiteri, esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għall-mod kif il-Gvern qed jagħti importanza kbira lis-setturi tal-E-Sports u l-logħob tal-kompjuter. “Dan kollu jtina iżjed motivazzjoni biex insaħħu l-missjoni tagħna u ta’ dan iċ-ċentru ta’ taħriġ li qed niftħu illum, dik li nedukaw iżjed lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna dwar dan it-tip ta’ logħob.” 

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Gaming Malta, is-Sur Ivan Filetti, saħaq li rridu noħolqu iżjed karrieri relatati mal-industrija tal-logħob tal-kompjuter, b’enfasi partikolari fuq l-E-Sports li llum huwa rrakkomandat u anke rispettat minn diversi sferi tal-ħajja. Huwa żied jgħid li Level Academy ser tkun qed teduka wkoll lill-pubbliku, billi tuża l-logħob elettroniċi bħala s-sors ewlieni għat-tagħlim. 

“L-edukazzjoni hija dejjem pedament u l-għanijiet stabbiliti minn LevelAcademy huma riflessi fil-viżjoni tal-Gvern, dik li nagħmlu minn Malta ċentru ta’ eċċellenza fil-qasam tal-logħob (gaming). Għalhekk, irridu nħeġġu aktar studenti biex jaraw il-logħob tal-kompjuterbħala karriera, u dan iċ-ċentru ta’ taħriġ se jkun qed jgħin bil-kbir biex nkomplu mexjin fid-direzzjoni tajba li qbadna flimkien”, kompla jgħid is-Sur Filetti. 

F’kelmtejn tal-okkażjoni, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo semma kif meta tfal u ż-żgħażagħ imorru fuq il-ġenituri u jgħidulhom li jridu jsiru ‘gamers’ jagħmlulhom kuraġġ għax il-Gvern qed jibni l-infrastruttura diġitali li hemm bżonn biex il-ġenerazzjoni ta’ għada tkun tista ssostni dawn l-industriji li jridu jissaħħu fi żmien li ġej. 

Is-Segretarju Parlamentari tkellem ukoll dwar kif illum l-industrija tal-logħob hija kkunsidrata waħda mill-pilastri tal-ekonomija Maltija. Anke jekk sar ħafna xogħol biex il-ġurisdizzjoni tagħna tibqa’ fost l-aqwa fejn jidħol dan il-qasam, għadna ma wasalniex u rridu nimirħu lejn iżjed setturi.

“Hija missjoni tagħna li noħolqu dik li qed insejħulha ‘knowledge-based economy’. Irridu naraw li għada pitgħada l-ekonomija tagħna tkun magħmula minn setturi diġitali. Irrid li dak it-tifel jew tifla ma jibqgħux jaraw biss il-logħob bil-kompjuter bħala passatemp, imma ndakkru kultura ġdida li jiġu hawnhekk, u mgħejuna minn professjonisti, jibdew iħarsu lejn dan il-logħob bħala karriera fil-futur għal mod ġdid ta’ kif jaqilgħu l-għixien tagħhom. Fuq kollox naspira li dawn l-istess tfal li semmejt nibdew inseħjulhom atleti Maltin u Għawdxin li jkunu jistgħu jirrappreżentaw lil pajjiżna. Fiduċjuz li Level Academy se tkun qed tgħin bil-kbir f’din it-triq li għandna quddiemna”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo. 

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.