Filmat: “Irridu naraw fejn inpoġġu l-enerġija fil-formazzjoni u l-għajnuna lill-familja”

L-Isqof Mario Grech qal li s-Sinodu dwar il-Familja għandu jservi biex lokalment “nevalwaw fejn qed inpoġġu l-enerġija tagħna, speċjalment fil-formazzjoni għall-ħajja taż-żwieġ u l-għajnuna fl-ewwel snin tal-ħajja miżżewġa.”
Mal-wasla lura f’Malta, fi tmiem it-tliet ġimgħat tas-Sinodu li sar fil-Vatikan, l-Isqof Mario Grech jħoss li għex l-istorja ta’ Kana, hekk kif l-Isqfijiet semgħu esperjenzi ta’ familji li qed jgħixu l-ferħ u mixjin ‘il quddiem, kif ukoll stejjer ta’ familji li “naqashom l-inbid fil-ħajja”.
Spjega li l-konklużjonijiet tas-Sinodu jagħtu l-għodda u l-viżjoni kif għandhom jiġu ndirizzati l-każi tal-familji u l-individwi. Qal li fil-ġimgħat li ġejjin il-Papa mistenni jħejji dokument li jiġbor fih temi diskussi fis-Sinodu.
L-Isqof Grech semma li ġew diskussi fatturi oħra li jaffetwaw il-familja, fosthom il-kultura tal-konsum u l-kultura individwalista.
Fis-Sinodu, il-276 Isqof minn madwar id-dinja sejħu l-ispirtu t’Alla biex jgħinhom jaqraw ir-realta’ tal-familja llum u biex il-Knisja llum takkumpanja l-bniedem tul ħajtu.
Qal li s-Sinodu jagħti t-tweġibiet lil dawk kollha li huma mxenqin li jistiednu lil Kristu fil-ħajja tagħhom; per eżempju billi jitneħħew ċertu projbizzjonijiet lill-persuni divorzjati, bħal li ma jistgħux ikunu parrini jew letturi.
Appella biex fil-mixja tad-demokrazija, l-Istat ukoll jirrikonoxxi aktar l-istat u l-kontribut politiku tal-familja fis-soċjetà. 

Ritratt: Photocity Valletta
Filmat: Reel8 Productions