“Irridu naraw dan il-kapitlu jingħalaq” – Il-President

DOI - Kevin Abela

Read in English.

Il-President George Vella qal li f’isem il-poplu Malti kollu jrid jara li dan il-kapitlu inkwetanti li tinsab fih Malta jingħalaq kemm jista’ jkun malajr.

Dan qalu fid-diskors tiegħu hu u jindirizza lill-Korpi Diplomatiċi Assenjati lil Malta fil-Palazz Verdala.

Hemm hu qal li fid-disa’ xhur li ilu President ta’ Malta seħħew bosta affarijiet sbieħ, iżda ġraw ukoll affarijiet li ħallew impatt negattiv fuq il-pajjiż. Sostna li Malta li jafu l-Korpi Diplomatiċi hija Malta kompletament differenti minn kif qed tidher f’għajnejn dawk li ma jgħixux hawn. Qal li jrid li dan il-kapitlu jingħalaq u li tirbaħ il-ġustizzja. Sostna li jinsab ċert li dan il-proċess huwa fil-quċċata tal-aġenda tal-Prim Ministru l-ġdid Robert Abela. Qal li m’hawn xejn li hu aktar urġenti għall-pajjiż minn dan.

Il-President irrimarka li l-poplu Malti ma qatax qalbu mill-valuri li jinsabu fil-qalba tas-soċjetà bħad-dedikazzjoni lejn xogħolhom, l-onestà, it-toleranza, l-inklużjoni u l-ħajja demokratika. Sostna li l-ġenerożità hija xi ħaġa li tikkaraterizza bniedem Malti.

Fid-diskors tiegħu tkellem ukoll dwar problemi f’pajjiżi diversi. Dwar il-Libja hu sostna li l-problemi tal-Libjani m’għandhomx jitħarsu mill-pajjiż biss, iżda għandhom ikunu fuq l-aġenda internazzjonali. Insista li d-dinja ma tistax toqgħod tistenna li jsir attakk vjolenti ieħor hekk kif sa dak iż-żmien, jaf ikun tard wisq.

“Għal aktar minn 20 sena Malta affettwata mill-immigrazzjoni”

Il-President semma kif l-immigrazzjoni għadha problema persistenti fuq ir-reġjun u anke b’mod internazzjonali. Qal li għall-aħħar 20 sena, Malta ġiet affettwata minn inċidenti drammatiċi. Ħafna minnhom joriġinaw minn pajjiżi sub-Saħarjani.

Qal li għal dawn is-snin kollha, Malta u pajjiżi oħrajn bħalha, tħallew waħedhom. Sostna li hemm bżonn soluzzjoni koordinata, internazzjonali u multilaterali.

“Se naħdem għal Malta stabbli”

Il-President wiegħed li se jkun qed jagħmel dak kollu li jista’ biex jgħin ħalli jassigura li s-soċjetà Maltija tikber u titkattar f’ambjent stabbli, seren u sigur. Qal li se jkun qed jara wkoll li Malta terġa’ tieħu l-isem tajjeb tagħha internazzjonalment u tibda tgawdi mir-rispett li kienet kisbet fis-snin preċedenti.