Irridu napprezzaw id-diversità għax se nispiċċaw innibbtu l-mibegħda – Il-President

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca qalet li ġieli rċeviet ittri anonimi għaliex titkellem u tħeġġeġ l-integrazzjoni.
Qalet li huwa ferm importanti li napprezzaw il-kulturi ta’ popli oħra għaliex inkella se nispiċċaw ma nifhmux iżjed lill-ġirien tagħna.
Sostniet li dan fenomenu li mhux jiġri lilna biss imma lil ħafna pajjiżi oħra wkoll u għalhekk irridu niftħu għajnejna biex nifhmu għaliex inkella se nispiċċaw innibbtu l-mibegħda.
Il-President ta’ Malta qalet dan waqt il-programm Ma’ Bundy fuq RTK.
Coleiro Preca sostniet li Malta tista’ tkun il-kapitali Mediterranja tad-djalogu u propju għalhekk għamlet l-istedina lill-Papa Franġisku biex jiġi fostna.
Enfasizzat li nistgħu noħolqu diskussjoni inter-reliġjuża, għaliex l-importanti huwa li bħala popli jkollna l-istess għan u ġid komuni, irrispettivament mit-twemmin reliġjuż.
Il-President iddeskriviet il-Papa Franġisku bħala persuna profonda, b’saqajh mal-art u li b’sinjali ta’ kuraġġ diġa wera fil-komunità internazzjonali li mhux passiv.
Dwar il-Malta Community Chest Fund (MCCF), il-President Coleiro Preca qalet li dan il-fond irid jiżdied għaliex ma nistgħux nirriskjaw li jkun hawn persuni li jimirdu bil-kanċer u ma nkunux nistgħu ngħinuhom.
Qalet li l-kanċer fostna irdoppja u l-affarijiet ma jidhrux li se jkunu differenti fis-snin li ġejjin.
Għalhekk il-Presidenza qed taħdem biex jiżdiedu l-avvenimenti u matul is-sena se jiġu organizzati avvenimenti ġodda biex il-fond tal-MCCF jikber.
Il-President Coleiro Preca ħabbret li waqt l-Istrina mhux se jkun hemm aktar filmati bl-appelli minn persuni vulnerabbli.
Qalet li tinsab konvinta li mingħajr dawn il-filmati, xorta waħda l-poplu Malti se juri l-ġenerożità u jinġabru l-fondi meħtieġa.
Qalet li l-Istrina għandha tkun ċelebrazzjoni sħiħa ta’ solidarjetà bir-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem.
Il-President iddeskriviet il-poplu Malti bħala uniku u distint b’ħafna kwalitajiet tajbin.
Sostniet li trid tkun katalista biex mill-Presidenza dawn il-kwalitajiet joħorġu fil-beraħ.