“Irridu nammettu li l-inugwaljanzi fis-saħħa ambjentali huma realtà f’Malta” – Il-President

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca saħqet li għandna nammettu li l-inugwaljanzi fis-saħħa ambjentali huma realtà f’Malta.
Waqt id-diskors tal-ftuħ ta’ konferenza dwar is-Saħħa Ambjentali u t-Titjib fil-Ħajja, il-President appellat għad-diliġenza u l-integrità fis-setturi kollha, fosthom dak tal-ippjanar. Appellat ukoll għar-rikonoxximent assolut, li n-nies jiġu qabel il-profitti.
Saħqet li l-ambjent hu fattur ewlieni għall-ħajja tan-nies. Żiedet tgħid li l-bżonn ta’ aktar inħawi naturali jispikka fid-diskussjoni mit-tfal u ż-żgħażagħ.
Il-President irreferiet għar-riżultati tal-Aġenzija Ewropea Ambjentali, li Malta hija waħda mill-aktar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea bi tniġġis mill-ħsejjes.
Semmiet kif tfal żgħar ħafna u trabi fil-ġuf huma l-aktar vulnerabbli għat-tniġġis fl-arja.
Ritratt: DOI