Mons. Ignatius Ayau Kaigama ta’ Abuja tkellem dwar l-attakk terroristiku li fih inqatlu 11-il persuna mill-ISIS u wissa’ li l-għanijiet ta’ dan il-grupp terroristiku huma li joħolqu sitwazzjoni ta’ gwerra fil-pajjiż.
“Ma kenitx l-istampa Niġerjana li tat l-aħbar ta’ dan il-qtil” imma l-hekk imsejjaħ Stat Islamiku fil-provinċja tal-Afrika tal-Punent, qal l-Arċisqof meta tkellem mar-Radju tal-Vatikan.
L-ISIS ħarġu video twil madwar minuta li fih urew il-qtil ta’ 11-il persuna, li qalu li huma insara, f’post mhux magħrfu f’Jum il-Milied.
Rahan
Skont l-Isqof Kaigama “il-ġlied u l-qtil u l-ħtif tan-nies” huma mod kif l-ISIS jippruvaw jisfurzaw lill-Gvern iħallashom rahan, jew jeħles lil dawk il-membri tagħhom li huma arrestati. Il-grupp qal li l-qtil ta’ nhar il-Milied kien vendetta għall-qtil tal-mexxej u l-kelliem tagħhom fis-Sirja.
“Qed jippruvaw joħolqu sitwazzjoni ta’ gwerra”, qal l-Arċisqof, “iridu jaraw lill-insara u l-Musulmani jiġġieldu bejniethom”. Dawn jittamaw li fil-konfużjoni li tinħoloq “se jieħdu s-sopravvent u jkunu jistgħu jeqirdu lill-insara u jieħdu f’idejhom dan il-pajjiż u l-pajjiżi fil-qrib”.
Madankollu, “ma nistgħux ngħidu” kompla l-Arċisqof Kaigama, li l-insara qed ikunu mċaħħda mid-drittijiet tagħhom.
Diskriminazzjoni
Il-knejjes Kattoliċi fil-pajjiż qed jaħdmu, l-istess kif hemm Moskei tal-Musulmani. Għalhekk, qal l-Arċisqof “wieħed ma jistax jgħid li xi grupp kien imċaħħad mil-libertà reliġjuża”. Madankollu, dak li qed ngħidu hu li f’xi każi hemm “diskriminazzjoni serja”.
“Kultant ma jkunx possibbli tixtriart biex tibni knisja fl-istati tan-nofsinhar fejn il-Musulmani huma fil-maġġoranza. Ma jistax ikollox programmi reliġjużi nsara fuq it-televiżjoni jew ir-radju. Ma tistax tgħallem ir-reliġjon nisranija fl-iskejjel jew ikollok Kappilan nisrani biex jgħin lill-istudenti nsara fl-universitajiet. Hemm problemi serji ħafna”.
L-Arċisqof Kaigama qal li anke l-Gvern preżenti, l-insafra qed isofru d-diskriminazzjoni. L-aktar pożizzjonijiet “importanti” u “sensittivi” qed jingħataw lill-Musulmani. Dan hu attentat maħsub biex jiffavorixxi lill-Musulmani fuq l-insara.
“Dawn huma fatti li rridu nadmu fuqhom”, temm jgħid l-Arċisqof Kaigama, lir-Radju tal-Vatikan. Irridu noħolqu bilanċ u noħolqu ugwaljanza biex ikun hemm ġustizzja għal kulħadd.