Naħdmu għall-ugwaljanza vera u effettiva – Abela Baldacchino MEP

L-Ewroparlamentari Claudette Abela Baldacchino qalet li l-krizi ekonomika la għandha tkun ta' detriment għal oqsma tas-servizzi li minnhom jibbenifikaw in-nisa u wisq anqas m’għandha xxekkel mill-ħidma ta' organizazzjonijiet Ewropej li jaħdmu favur il-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa.

Hija qalet dan f’laqgħa ma' delegazzjoni mill-Konfederazzjoni Maltija ta' l-Għaqdiet tan-Nisa.  Tul il-laqgħa kienu diskussi temi differenti li jolqtu direttament lin-nisa Maltin, iżda li f'kuntest Ewropew tista' ssir ħidma sabiex verament ikun hemm ugwaljanza vera u effettiva.

Abela Baldacchino spjegat fost l-oħrajn kif fuq l-aġenda tal-Kumitat għax-Xogħol u Affarijiet Soċjali f'Settembru ser ikun diskuss rapport dwar in-nisa b'diżabilita' u kif l-impenn tagħha huwa li tikkontribwixxi għal dan ir-rapport.

Min-naħa tal-Konfederazzjoni Maltija ta' l-Għaqdiet tan-Nisa  Lorraine Spiteri uriet is-sodisfazzjon li l-għanijiet tal-konfederazzjoni qegħdin jingħataw vuċi anke fil-Parlament Ewropew permezz tal-Ewroparlamentari nisa Maltin.