“Irridu li l-Gvern iżomm mal-Qorti” – MUMN

    Il-fiżjoterapisti m’għandhomx jibqgħu parti mill-Allied Health Professionals, u għalhekk isir ftehim settorali separat għalihom biss. Barra minn hekk, il-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) għandha dritt tinnegozja waħedha f’isem il-fiżjoterapisti impjegati mas-servizz pubbliku.

    Dawn il-punti ħarġu f’Digriet tal-Qorti, preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff. Skont l-MUMN, Gvern li joqgħod għas-sentenza tal-Qorti se jkun qed juri li jirrispetta s-saltna tad-dritt f’Malta.

    Fi stqarrija, l-MUMN spjegat li dawn iż-żewġ punti huma “dak kollu li l-MUMN kienet qed tipprova takkwista mingħand il-Gvern”. Skonthom però, il-Gvern dejjem sab oġġezzjoni.

    Il-unjin qalet li qed tistenna li l-Gvern jisma’ s-sentenza tal-Qorti. B’hekk, il-Kap tas-Servizz Pubbliku għandu jaqta’ il-fiżjoterapisti mill-grupp tal-Allied Health Professionals. Minħabba f’hekk, jiġu entità separata. Barra minn hekk, il-Kap tas-Servizz Pubbliku irid jawtorizza lill-Ministeru tas-Saħħa biex jiftiehem mal-MUMN għal ftehim settorali ġdid tal-fiżjoterapisti.