Irridu kummissarju tal-pulizija li jinvestiga lil Konrad Mizzi – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia stqarr li l-Partit Nazzjonalista jrid kummissarju tal-pulizija li ma jħares lejn wiċċ ħadd lanqas lejn dak li jrid jiddeċiedi t-tneħħija tal-probation tiegħu.

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament fid-dibattitu dwar emendi fl-att tal-pulizija, Delia staqsa “Min se jiddeċiedi wara sena jekk il-kummissarju tal-pulizija l-ġdid kienx qed jagħmel xogħlu jew le u fuq kollox x’inhuma l-kundizzjonijiet li l-persuna magħżul trid tissodisfa?”

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jrid kummissarju tal-pulizija li jinvestiga lil Konrad Mizzi li skontu għadu qed jitħallas minn parlament iżda qatt ma resaq iktar ‘l hemm.

Delia fakkar kif hu fetaħ kawża fil-qrati biex jieħu lura l-isptarjiet Maltin wara li allega li Mizzi ffirma kuntratt biex mit-taxxi tal-poplu jitħallsu €100 miljun lill-kumpaniji barranin biex il-kuntratt inkiser u l-isptarijiet jerġgħu lura f’idejn il-Gvern. Hu żied jgħid li dawn iridu jitħallsu anki jekk il-barranin jiksru l-kuntratt. Minkejja dan, Konrad Mizzi mhux ikun investigat, insista Delia. Fl-istess waqt, persuna li tisraq handbag tixxandar mal-erba’ rjiħat, stqarr Delia.

Delia qal li l-istqarrija li ħareġ biha l-Ministru Evarist Bartolo fl-intervista mal-ġurnalista DW li f’Malta r-rabtiet familjari huma aktar b’saħħithom mis-saltna tad-dritt, hija gravi.