Irridu inkjesta pubblika dwar jekk il-Gvern setax evita l-imwiet bil-Covid-19 – Repubblika

people-wearing-masks-valletta-coronavirus
Miguela Xuereb

Read in English.

L-għaqda Repubblika qalet li se tkun qiegħda titlob inkjesta pubblika indipendenti la darba tibda tgħaddi il-pandemija tal-Covid-19. Din l-inkjesta pubblika se jitolbuha sabiex ikun jista’ jiġi studjat x’għamel tajjeb u ħażin l-Istat biex jevita l-imwiet minħabba l-pandemija.

Fi stqarrija Repubblika qalet li huwa dmir lejn il-200 persuna li mietu minħabba l-imxija u lejn dawk li għad iridu jmutu. Żiedu li huwa importanti li l-pajjiż jitgħallem minn dak li l-pajjiż qed jgħaddi minnu sabiex jekk jinqala xi ħaġa li ma tkunx mistennija, il-pajjiż ikun iktar preparat speċjalment biex ikunu proteġuti persuni li huma l-iktar vulnerabbli.

Fi stqarrija l-għaqda wriet is-sogħba tagħha għat-telfa ta’ dawn il-200 persuna u żiedu li r-rata ta’ mwiet fl-aħħar ġimgħat irduppjat u għalhekk żdiedu l-familji li qegħdin iġarrbu t-telfa tal-għeżież tagħhom.

Repubblika żiedet li bħal fil-bqija tad-dinja, il-pandemija tal-Covid-19 qed tikkawża tbatija kbira lil ħafna nies f’Malta u saħqu li hija kattiverja li għad hawn persuni li jibqgħu jġibu ruħhom qisu xejn m’hu xejn.

Huma sellmu wkoll lill-eluf ta’ anzjani u persuni vulnerabbli li qed iqattgħu il-Milied weħidhom milflok mal-qraba tagħhom. L-għaqda rringrazjat lil dawk kollha li jaħdmu fis-settur tas-saħħa u jinsabu konxji mis-sagrifiċċju li għamlu fl-aħħar xhur.

Huma appellaw lil dawk li jmexxu biex iwettqu dmirhom u jagħtu eżempju tajjeb huma wkoll billi jżommu d-distanza, ma jlaqqgħux nies li ma jgħixux flimkien għalxejn u jilbsu sew il-maskra. “Fuq kollox nappellaw lill-awtoritajiet li jiftakru li l-ewwel prijorità għandha tingħata lis-saħħa, mhux il-flus jew il-popolarità politika. Mingħajr saħħa, m’għandniex bżonn flus u wisq anqas politiċi popolari,” appellat l-għaqda.

F’Malta llum ġew irreġistrati 82 każ ġdid pożittiv għall-Covid-19. Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ħabbret ukoll li mietu ħames persuni fl-aħħar 24 siegħa.