“Irridu ġustizzja dwar il-qtil ta’ Jan u Daphne” – Tajani

Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani qal li bħalma ġara fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia, il-Parlament Ewropew se jkompli jgħolli l-vuċi tiegħu biex issir ġustizzja wkoll fil-każ tal-qtil tal-ġurnalist Slovakk.
F’messaġġ qasir waqt li saret minuta silenzju fil-Parlament Ewropew biex jitfakkar il-qtil tal-ġurnalist Slovakk Jan Kuciak, Tajani saħaq dwar l-importanza li ssir ġustizzja fil-konfront ta’ dawk ħatja. Semma kif dan huwa attakk ieħor inaċċettabbli fuq il-libertà tal-espressjoni, u li ġara biss ftit xhur wara l-qtil ta’ Caruana Galizia f’Malta.
Il-President tal-Parlament Ewropew tkellem dwar il-ġurnalist Slovakk li qal kien iwettaq ix-xogħol ġurnalistiku tiegħu b’mod professjonali u bil-passjoni kollha tiegħu.
Qal li dan il-ġurnalist kien determinat ifittex dwar każijiet suspettużi ta’ evażjoni tat-taxxa. Temm jgħid li l-Pulizija Slovakka qed taħdem fuq il-premessa li l-qtil sar bi skop biex Kuciak jitwaqqaf milli jkompli jagħmel ix-xogħol ġurnalistiku tiegħu.
Jidher li Kuciak kien qed jinvestiga każijiet ta’ frodi, li ħafna drabi kienu jinvolvi negozjanti b’rabtiet mal-partit fil-Gvern u politiċi oħra.
B’rabta ma’ dan il-qtil, irriżenja l-Ministru għall-Kultura tal-Islovakkja Marek Madaric.
Fl-istess messaġġ, Tajani kkundanna wkoll bil-qawwa l-għajbien ta’ iktar minn 100 tifla fin-Niġerja li nħatfu mill-Boko Haram.