“Irrid ngħix ħajti mingħajr uġigħ”

Il-Maltin huma mħeġġa li jkunu parti mill-kampanja ġdida #zeropain, fejn bl-istessu tagħhom ikunu qed jgħinu biex jiżdied l-għarfien dwar l-uġigħ kroniku.
B’hekk ikunu qed jingħaqdu ma’ 100 belt madwar id-dinja biex jippreparaw għal jum dinji kontra l-uġigħ fis-27 ta’ Sttembru li ġej.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Gertrude Buttigieg mill-Malta Health Network, li qalet li dawk li jixtiequ jipparteċipaw, għandhom jieħdu stessu waqt li jżommu karta bil-messaġġ “Irrid ngħix ħajti mingħajr uġigħ”, segwit mill-hashtag #zeropain.
Spjegat kif meta wieħed itella’ dan ir-ritratt fuq Facebook, għandu jitteggja l-paġna ISAL Foundation, li hija l-moħħ wara din il-kampanja, u jagħmel ukoll il-hashtag #zeropain meta’ jtella’ fuq Twitter u Instagram.
Filwaqt li ħeġġet l-użu tal-lingwa Maltija f’dawn il-messaġġi, Buttigieg qalet li jekk jinkitbu b’lingwi oħra, il-parteċipanti għandhom jiktbu li huma minn Malta.
Qalet li stessu wara stessu, u messaġġ wara messaġġ, l-għan ta’ din il-kampanja jkun li jiżdied l-interess mill-pubbliku, mill-midja u mill-għaqdiet, dwar l-uġigħ kroniku, trattamenti, terapija u mediċina meħtieġa u riċerki xjentifiċi.
Saħqet li għandu jsir minn kollox biex il-pazjent jingħata l-aħjar trattament possibbli u kemm jista’ jkun ma jkollux uġigħ.
Il-Malta Health Network hija għaqda volontarja li ilha mwaqqfa mill-2007 bil-għan li tippromwovi l-vuċi tal-pazjenti f’dak li hu relatat mas-saħħa tagħhom.