Irrid nelimina l-abbużi mill-kleru akkost ta’ kollox – Il-Papa

REUTERS/Hannah McKay

Il-Papa Franġisku wiegħed li se jieħu azzjoni biex akkost ta’ kollox iwaqqaf darba għal dejjem l-esplojtazzjoni sesswali tat-tfal mill-kleru. Dan qalu waqt żjara fl-Irlanda, fejn għadd ta’ abbużi sesswali begħdu lil ħafna Irlandiżi mill-Knisja.

Fl-ewwel żjara Papali fl-Irlanda f’40 sena, il-Papa Franġisku indirizza attività statali li attendew għaliha għadd ta’ nies li sfaw vittma ta’ abbuż. Saħaq li hija tal-mistħija li dawn l-atti kriminali ma ġewx indirizzati.

Huwa ltaqa’ wkoll privatament għal madwar siegħa u nofs ma’ tmien vittmi ta’ abbuż. Kelliem għall-Vatikan ma tax kummenti dwar id-dettalji tal-laqgħa.  Wieħed mill-vittmi stqarr li kienet laqgħa f’saħħitha u li l-Papa semagħhom b’interess ġenwin.

Aktar minn tliet kwarti tal-popolazzjoni tal-Irlanda kienu marru bi ħġarhom jilqgħu lill-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1979. Dakinhar id-divorzju u l-kontraċettivi kienu illegali. Il-Papa Franġisku ntlaqa’ minn numru iżgħar.