“Irrid li Malta tkun pajjiż fejn kulħadd jista’ jirnexxi” – Fearne

Miguela Xuereb

Read in English.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, fl-aħħar jum tal-kampanja, qal li jrid Malta tkun pajjiż fejn kulħadd jista’ jirnexxi u jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu filwaqt li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. Fearne qal li jekk ikun elett hu, il-Gvern immexxi minnu jkompli joħloq il-ġid u jagħmel ċert li jasal għand kulħadd, sew familji, sew studenti, sew ħaddiema u pensjonanti.

Fearne spjega kif tul il-kumpanja tiegħu huwa sema’ lin-nies u għalhekk jemmen li appena jkun Prim Ministru hu, se jkun qed jara li ssir il-ġustizzja soċjali, is-serjetà, id-dixxiplina u pajjiż aktar nadif.

Fearne qal li hu determinat li jiġi eliminat il-faqar biex kull tifel u tifla jkollhom iċ-ċans li jimirħu u jeċċellaw.

Fearne rrefera għall-Perit Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici, Alfred Sant u Joseph Muscat, il-mexxejja preċedenti tal-Partit Laburista fejn fost l-oħrajn tgħallem l-umiltà, l-valur tal-bidla u suċċess.

Huwa għamel ukoll referenza għax-Xandir Nazzjonali, fejn qal li jridu jsiru riformi biex id-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu, jittieħdu biex il-bidliet isiru ħalli ma jkunx hemm bsaten fir-roti inġusti għall-Partit Laburista.

Huwa temm b’appell biex l-Partit Laburista jibqa magħqud ħalli sentejn u nofs oħra jerġa’ jirbaħ il-fiduċja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.