“Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux” – Iben DCG

Matthew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, enfasizza li jrid li jkomplu jinstemgħu l-każi kollha ta’ libell li l-Ministru Chris Cardona fetaħ kontra ommu.
Waqt seduta ta’ libell li fetaħ il-Ministru Cardona dwar l-allegata preżenza tiegħu fil-burdell AKK Apaculpo fil-Ġermanja, Matthew Caruana Galizia allega li l-Ministru għandu l-għan li jirtira l-każ għax hekk jaqbillu.
Għas-seduta, kienu preżenti t-tliet ulied ta’ Caruana Galizia – Matthew, Andrew u Paul kif ukoll żewġha Dr Peter Caruana Galizia.  Il-Ministru Cardona li fetaħ il-kawża ma kienx preżenti u kien irrappreżentat mill-Avukat tiegħu. Fl-awla kien hemm ukoll uffiċjal mill-Ministeru.
Il-Maġistrat Francesco Depasquale esprima l-kondoljanzi tiegħu lill-familja Caruana Galizia.  Qal li “l-Qorti ġiet infurmata formalment li Daphne Caruana Galizia mietet f’ċirkostanzi traġiċi fis-16 ta’ Ottubru 2017 u għalhekk intalab żmien biex il-partijiet jirregolaw”.
Għaldaqstant, il-Maġistrat qal li l-kawża ġiet diferita għall-4 ta’ Diċembru f’nofsinhar, sabiex il-Qorti tilħaq tiġi infurmata li l-kawżi se jipproċedu.
Kien hawnhekk li Matthew Caruana Galizia talab biex jindirizza l-Qorti, u kompla jgħid li Chris Cardona m’għandux interess li l-każ ikompli.
Huwa ġie interrot mill-Avukat ta’ Cardona, Dr Paul Lia, li qal li kien għadu prematur dwar x’deċiżjoni se tittieħed.  Qallu wkoll li jifhem “l-emozzjonijiet f’saħħithom ta’ bħalissa” u li jkun aħjar li l-affarijiet isiru b’riflessjoni, f’mument inqas emozzjonali.
Caruana Galizia wieġeb lura u qallu li hu mhux qed iħossu emozzjonat: “Qalbi bierda”.
Il-Maġistrat Depasquale insista li jifhem l-uġigħ li għaddejja minnu l-familja Caruana Galizia, iżda, li llum il-ballun jinsab f’saqajn il-parti l-oħra.
L-Avukat Lia wieġeb li mhux bilfors huwa l-każ, waqt li żied jgħid li kieku hu, diġà waqqgħuh.
Ħin minnhom waqt is-seduta, ir-raġel ta’ DCG qal li għadu mhux magħruf meta se jiġi rilaxxat, il-katavru, “jew aħjar dak li fadal minnu”.