“Irrid inġorr għajnejkom f’għajnejja, qalbkom f’qalbi” – il-Papa

“Jien qiegħed hawn għax irrid inġorr għajnejkom f’għajnejja u rrid inġorr qalbkom f’qalbna.” Hekk qal il-Papa lil madwaer elf immigrant li kienu miġbura quddiemu f’Bologna fejn huwa qed jagħmel żjara pastorali wara li żar il-belt ta’ Cesena.
“Jien irrid inġorr miegħi lill-wiċċkom, li qed jitlobna biex niftakruh, biex ngħinuh; anzi qed jitlobna biex naddottawh għax intom qed tfittxu lil xi ħadd li jafdakom u jgħinkom issibu fil-futur it-tama li waslitkom sa hawn” żied jgħid il-Papa Franġisku.
Huwa kompla jgħid li wħud mill-immigranti ma waslux sa hawn għax belagħhom id-deżert jew il-baħar.
“In-nies lil dawn ma jiftakruhomx iżda Alla jafhom b’isimhom u laqgħhom għandu.”
Il-Papa qalilhom li hu jħossu wieħed minnhom. Kompla jgħid li n-nies tibża’ minnhom għax tiġġudikahom mill-bogħod, u did-distanza tirriżulta f’ġudizzju kiesaħ u kiefer.
Lill-migranti li ltaqgħu miegħu mill-qrib, Franġisku kellu dan il-messaġġ, “Fikom nara lil Kristu, il-barrani li jħabbatli fuq biebi, hu min hu”.
Franġisku kien għadu kif wasal minn żjara f’Cesena, fejn tkellem maż-żgħżagħ u qalilhom biex mindu jkunu żgħar ma jaċċettawx il-korruzzjoni, ġejja minn fejn ġejja.
Hu u jiddeskrivihom bħala “ġellieda tat-tama”, Franġisku talab li t-tama li jġorru magħhom ma jasal qatt li tinbidel f’delużjoni, jew agħar minn hekk, disperazzjoni.
Ħa ċ-ċans ukoll biex jgħidilhom li minkejja s-sitwazzjoni skomda tagħhom, jeħtieġ li jaħdmu qatigħ biex jiġu milqugħa, fost l-oħrajn billi jobdu l-liġijiet tal-pajjiż li jilqagħhom.
Temm jikkundanna kull sfruttar li jsir ta’ dawn il-persuni għax qed isir fuq il-vulnerabbli, u dwar sehemhom fis-soċjetà qal hekk, “L-integrazzjoni tibda verament meta nsiru nafu l-istejjer ta’ xulxin”.