Irrid inbiddel il-pajjiż u lill-PN – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu daħal fil-politika biex jibdel il-pajjiż u lill-Partit Nazzjonalista kif ukoll biex itejjeb il-ħajja tan-nies. Dan qalu waqt li kien qed jindirizza l-konferenza tal-Kulleġġ Kandidati tal-Partit Nazzjonalista (KKPN).

Delia qal li l-irwol tal-politiku huwa li jmur għand in-nies u jisma’ l-ideat, il-ħsibijiet u l-weġgħat tagħhom u b’hekk ikun qed jieħu stampa ċara ta’ fejn qed tħabbat il-qalb tan-nies. Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jagħraf s-sewwa u joħloq soċjetà li jimpurtaha mill-ħajja, mill-ġid komuni, mid-dgħajfin u l-batuti u minn dawk li ma jirnexxux jew jibqgħu lura fis-soċjetà u mill-kwalità tal-ħajja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma li minkejja li l-Partit Nazzjonalista m’għandux is-setgħa tal-operat u l-marketing bħall-Gvern, bħala Partit jemmen li għandu s-saħħa tal-persważjoni u l-konvinzjoni. Il-konferenza tal-Partit Nazzjonalista kienet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli.