“Irreżenjajt; is-Segretarju Ġenerali għandu jagħżel direttur ġdid” – Angelito Sciberras

Read in English.

Angelito Sciberras irreżenja minn Direttur tal-Kummissjoni Elettorali (Elcom) tal-Partit Nazzjonalista sabiex iħalli lok lis-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-partit jagħżel id-direttur tiegħu.

Dan ikkonfermah Sciberras stess ma’ Newsbook.com.mt wara diversi rapporti li tkellmu dwar ir-reżenja tiegħu. Sciberras ikkjarifika li r-riżenja tiegħu ma kinitx xi risposta għal dak li hemm għaddej fil-partit bħalissa.

Sciberras spjega li l-post ta’ direttur tal-Elcom huwa wieħed li jimtela’ minn persuna magħżula mis-Segretarju Ġenerali. Qal li hu kien magħżul fil-kariga mill-eks Segretarju Ġenerali Clyde Puli. Puli rreżenja mill-kariga tiegħu fl-aħħar jiem. Għalhekk, Sciberras spjega li ladarba issa nħatar Francis Zammit Dimech bħala Segretarju Ġenerali interim, ried jagħtih l-opportunità jaħtar il-persuna li jrid hu f’din il-kariga.

Sciberras spjega li issa jistenna li s-Segretarju Ġenerali jipprepara sabiex ikun lest għall-eventwalita ta’ elezzjoni ġenerali, tiġi meta tiġi.