“Irrevedi r-riżenji tal-Pulizija tat-traffiku” – Il-PD lill-PM

Arkivji

Read in English.

Il-Partit Demokratiku qed jitlob lill-Prim Ministru Robert Abela biex jirrevedi r-riżenji tal-Pulizija mit-taqsima tat-traffiku u biex jitlob kjarifika mill-Ministru kkonċernat.

Dan fid-dawl ta’ dak li qalu esperti legali ma’ Newsbook.com.mt li f’artiklu ppubblikat ilbieraħ qajmu tħassib dwar ir-riżenji riċenti ta’ uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija b’rabta mal-allegat abbuż fis-sahra li ġie żvelat il-ġimgħa li għaddiet. Jissuspettaw li r-riżenji, fi kliemhom approvati bi ksur ta’ liġi, saru biex l-uffiċjali inkwistjoni ma jitilfux il-pensjoni tas-servizz. 

Fl-istqarrija, l-PD qal li żewġ affarijiet ħżiena ma jagħmlux xi ħaġa tajba u bl-istess mod lanqas żewġ atti kriminali ma jagħmlu xi ħaġa tajba.

Il-PD qal li dawn ir-riżenji għandhom jerġgħu jiġu lura u l-persuni li aċċettawhom jew li ffaċilitaw ir-riżenji għandhom jintalbu kjarifika jew jiġu mġiegħla jirriżenjaw mingħajr ebda dewmien.

Intqal ukoll li hija diġà xi ħaġa ħażina li dan l-allegat abbuż sar taħt imnieħer l-ogħla uffiċjali tal-Pulizija u tal-Ministeru fi żmien fejn is-saltna tad-dritt f’Malta kienet qed tiġi mhedda.

Il-PD stqarr li l-fatt li ġew aċċettati r-riżenji turi minn tal-inqas l-inkompetenza fit-tmexxija tal-Pulizija u tal-Ministeru jew tkun agħar jekk dawn kienu kompliċi biex l-eks uffiċjali tal-Korp ikunu jistgħu jżommu l-pensjoni tas-servizz.