Irregolaritajiet fil-kirja ta’ proprjetà tal-GWU lill-ARMS

L-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika (l-NAO) sab ammont ta’ irregolaritajiet fil-mod ta’ kif il-General Workers Union (il-GWU) kriet parti mill-proprjetà tagħha fil-Belt Valletta lill-ARMS.
Dan ħareġ wara investigazzjoni li talbet l-Oppożizzjoni, fejn saħqet li din il-kerà tmur kontra l-kuntratt ta’ emfitewsi li bih il-GWU oriġinarjament akkwista din il-proprjetà. Il-kuntratt, kif emendat fl-1997, jgħid li l-GWU tista’ tittrasferixxi parti mill-bini tagħha lil dawk il-kumpaniji biss li l-GWU għandha fihom iktar minn 51% tax-shareholding.
Fl-24 t’April 2014, il-GWU kriet parti mill-proprjetà lill-ARMS. Dan minkejja li l-GWU ma kelliex shareholding fl-ARMS u għaldaqstant din il-kerà kienet tmur kontra l-kuntratt ta’ emfitewsi tal-Gvern mal-GWU.
L-awditur irrakkommanda lill-Diviżjoni tal-Proprjetà tal-Gvern biex tieħu passi legali kontra l-GWU talli kissret il-kundizzjonijiet li kien hemm fil-kuntratt emfitewtiku.