Irreġistrat l-ogħla rekord ta’ konsum ta’ elettriku

L-Erbgħa waranofsinhar ġie rreġistrat l-ogħla livell ta’ konsum ta’ elettriku li qatt kien hawn f’Malta, dak ta’ 438 megawatt.
Fi stqarrija, l-Enemalta qalet li l-ogħla livell li qatt kien intlaħaq qabel kien ta’ 434 megawatt fit-23 ta’ Lulju 2007.
L-Enemalta spjegat li d-domanda għall-elettriku mistennija tkompli tielgħa fil-ġimgħat li ġejjin minħabba s-sħana. Sostniet li minkejja din iż-żieda,  xorta waħda għandha livell tajjeb ta’ kapaċità biex tiġġenera elettriku addizzjonali  u tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-pajjiż.
Il-livelli ta’ elettriku mqassam irreġistrat f’dawn il-jiem huwa wkoll l-ogħla li qatt ġie reġistrat minn meta ntfiet il-Power Station tal-Marsa aktar kmieni din is-sena.
L-istqarrija tgħid ukoll li Enemalta plc qed tieħu għadd ta’ miżuri biex tiżgura li t-tagħmir tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tagħha jkunu mħejjija tajjeb għal din iż-żieda fid-domanda.
Impjegati żejda qed jintalbu jirrappurtaw għax-xogħol biex jagħtu għajnuna aktar malajr meta l-klijenti jintlaqtu minn xi ħsarat jew qtugħ fil-provvista.
Fl-istess waqt, il-ħaddiema tal-kumpanija qed isegwu mill-qrib l-impatt tat-temperaturi għoljin fuq l-apparat tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku fil-Power Station ta’ Delimara u f’postijiet oħrajn.
Matul il-lejl, meta d-domanda tbatti xi ftit, it-tekniċi u l-inġiniera qed jagħmlu xogħlijiet ta’ manutenzjoni apposta bex iħejju għaż-żieda fid-domanda tal-għada. 
Tnejn miċ-ċentri ta’ distribuzzjoni l-ġodda, li waslu fl-aħħar fażijiet tagħhom, jinsabu f’St. Andrew’s u l-Gżira, u se jgħinu biex jissaħħu s-servizzi f’dawn l-inħawi, fosthom Tas-Sliema, San Ġiljan, Ta’ Xbiex, l-Imsida u San Ġwann.
Għal għajnuna, il-klijenti jistgħu jitkellmu mat-tim tal-Customer Care ta’ Enemalta fuq 8007 2224 jew customercare.em@enemalta.com.mt. Aktar tagħrif jinsab fis-sit www.enemalta.com.mt