“Irrappurtaw l-abbużi” – Il-Knisja wara li Patri weħel 3 xhur ħabs sospiżi

Il-Kummissjoni għall-Ħarsien tat-Tfal u l-Adulti Vulnerabbli fi ħdan il-Kurja qalet li Patri Charles Fenech ma jistax jeżerċita l-ħidma pastorali bħala saċerdot fil-Knisja f’pajjiżna. Patri French ilu taħt din ir-restrizzjoni mill-2016.
Dan wara li lbieraħ, Patri Fenech ingħata sentenza ta’ tliet xhur priġunerija sospiżi għal sena, wara li nstab ħati b’attentat vjolenti fuq il-pudur ta’ mara li kienet tbati minn mard mentali. Huwa ma nstabx ħati li ssekwestra lill-mara jew offenda l-pudur tagħha fil-pubbliku.
Il-Qorti lbieraħ semgħet kif Patri Fenech, li kien magħruf bħala direttur tal-għaqda filantropika Kerygma u Radju Marija, iltaqa’ mal-mara meta kien direttur tal-Kerygma, u waqt li hi kienet rikoverata f’Monte Carmeli.
Mal-pulizija l-mara kienet qalet li kienet sabet refuġju f’Patri Fenech li kien għenha ħafna iżda darba stidnitu għal festin id-dar u pprova jbusha.
Il-Qorti semgħet ukoll kif il-mara xehdet falz quddiem ir-Response Team  tal-Kurja wara li kienet infetħet investigazzjoni, meta sħabha rrapportaw il-każ.
Min-naħa tiegħu l-Imħallef Antonio Micallef Trigona nnota li fir-relazzjoni ta’ bejniethom kienet nibtet familjarità żejda.
Saħaq li l-Prosekuzzjoni naqset milli turi jekk il-mara b’mard mentali kinitx kapaċi tirreżisti għal attentat fuq il-pudur tagħha.  Żied jgħid li iżda Patri Fenech kien jaf li l-mara hija vulnerabbli.
Is-Safeguarding Commission tal-Kurja appellat lill-pubbliku biex jikkuntattja lill-Pulizija jew lill-Kummissjoni dwar xi suspetti ta’ abbuż. Wieħed jista’ jikkuntattja lill-Kummissjoni fuq 25906315 jew b’imejl fuq info@safeguarding.org.mt.